Illum il-Knisja tfakkar il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu

Illum il-Knisja f’Malta tingħaqad mal-kumplament tad-Dinja Kattolika u tfakkar il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Illum ma jsirx quddies u l-funzjonijiet fil-knejjes jikkonċentraw madwar is-salib imqaddes. L-ewwel parti tal-Liturġija tkun il-qari tar-rakkont tal-Passjoni li fil-Ġimgħa l-Kbira dejjem ikun skont San Ġwann waqt li wara ikun hemm l-adorazzjoni tas-Salib. Wara jsir it-tqarbin. L-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li fiha ssir l-Adorazzjoni u l-bews tas-Salib fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-ġurnata tal-lum hija l-unika ġurnata fis-sena li ma jsirx quddies fiha. Aktar tard illejla f’Malta u Għawdex isiru b’kollox 16-il purċissjoni 12 f’Malta u 4 f’Għawdex li jfakkru l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Purċissjonijiet f’Malta jsiru fil-Belt, fir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi San Ġorġ, Mosta, Naxxar, Żejtun, Ħal Luqa, Raħal il-Ġdid, Birgu, Bormla u l-Isla. Il-Purċissjonijiet f’Għawdex isiru r-Rabat San Ġorg, Nadur, Xagħra u Żebbuġ. Il-purċissjonijiet tal-lejla jibdew għal ħabta tal-ħamsa u nofs u b’kollox joħorġu madwar mitejn vara, minbarra eluf ta’ nies li jieħdu sehem f’dawn il-purċissjonijiet minn reffiegħa, personalitajiet Bibliċi, fratellanzi, membri ta’ l-iscouts u baned.