Illum il-Kenja terġa’ tivvota wara xahrejn

Il-Kenja llum se terġa’ tivvota għall-president, qalb sigurtà sfiqa u l-bojkott mill-Oppożizzjoni, u dan wara li r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali ta’ xahrejn ilu kien ġie annullat mill-Qorti Suprema tal-pajjiż.
Xahrejn ilu kien rebaħ l-elezzjoni l-President attwali tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iżda l-vot tħassar u qed jerġa’ jsir illum minħabba li kienu nstabu xi irregolaritajiet u illegalitajiet, għalkemm il-Qorti qatt ma attribwiet dawn l-illegalitajiet lill-partit ta’ Kenyatta.
Il-Prim Imħallef tal-pajjiż, iddikjara li l-elezzjoni ma saritx skont il-kostituzzjoni, u qal li kienet invalida u nulla.
L-elezzjoni dakinhar diġà kienet mimlija tensjoni, hekk kif fl-elezzjoni ta’ 10 snin qabel, mal-1,000 Kenjan kienu mietu minħabba vjolenza, u mas-600,000 ħarbu minn darhom.
Sadanittant, 70 persuna tilfu ħajjithom f’dawn ix-xahrejn minn Awwissu.
Sadanittant, ir-rivali ta’ Kenyatta, Raila Odinga, ried li l-vot isir aktar tard, iżda ma rnexxilux wara li 2 minn 7 mħallfin ma dehrux għall-appell tiegħu l-Qorti. Imħallef minnhom ma deherx għax membru mit-tim tas-sigurtà tiegħu sparawlu u darbuh.
Odinga ħalef li jxekkel il-vot ta’ llum, u sejjaħ għal protesti massiċċi, iżda talab biex dal-protesti jsiru lil hinn mill-postijiet tal-votazzjoni.