Is-sempliċità u dedikazzjoni ta’ Adeodato Micallef bħal kewkba tiddi – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=dHKfED7AjGM]

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li jittama li t-tifkira tal-Isqof Adeodato Micallef fis-sempliċità u dedikazzjoni tiegħu tkun bħal kewkba tiddi, mhux biss fil-memorja tal-Knisja fil-Kuwajt iżda fil-Knisja Universali.
Fl-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa tal-funeral praesente cadavere tal-Isqof Francesco Adeodato Micallef O.C.D l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar il-memorja tal-Isqof Malti bit-tama li jibqa’ imfakkar is-sagrifiċċju u l-ġenerożità tal-Isqof.
Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, dalgħodu l-Arċisqof spjega bħala ragħaj tajjeb l-Isqof Micallef iddeċieda jibqa’ mal-poplu tiegħu minkejja l-periklu li kien jiffaċċja.
Skont Mons. Scicluna, l-Isqof Micallef se jibqa’ magħruf fil-Kuwajt fejn hemm qatta’ ħafna snin bħala Vigarju Appostoliku. Ħafna huma dawk li jiftakru lil Micallef, li kien jgħix ħajja ddedikata lill-Mulej, għall-ġesti kbar tal-umiltà tiegħu żied jgħid l-Arċisqof.
L-Arċisqof ta’ Malta fakkar kif fl-Epifanija tal-1982, Micallef ġie ordnat bħala Isqof mill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni. Mons. Scicluna qal li “dakinhar, fl-omelija tiegħu, l-Papa kien sellem lil dan l-iben ta’ Malta”. Il-Papa kien sostna li l-ewwel mod ta’ kif wieħed jista’ jilmaħ il-kobor u l-ġmiel ta’ Alla huwa permezz ta’ meditazzjoni dwar il-bniedem u d-dinja tal-madwar.
Fi kliem l-Arċisqof ta’ Malta, ma’ kull min kien jiltaqa’, l-Isqof Adeodato Micallef kien jilmaħ fih x-xbiha qaddisa tal-Mulej.
Il-Quddiesa praesente cadavere tal-Isqof Francesco Adeodato Micallef O.C.D bdiet llum fid-9:30 am fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
L-Arċisqof Charles Scicluna kien qed jippresiedi din il-Quddiesa.
Miegħu kkonċelebraw: Mons. Pawlu Cremona O.P., Arċisqof Emeritu, Mons. Paul Darmanin O.F.M. Cap., Isqof Emeritu ta’ Garissa, Kenja, Mons. Camillo Ballin M.C.C.J., Isqof u Vigarju Appostoliku fil-Kuwait, u r-rappreżentant tan-Nunzjatura Appostolika f’Malta Dun Konrad Grech S.J.
Magħhom ingħaqdu l-Provinċjal tal-Komunità tal-Patrijiet Tereżjani, Patri Juan Debono O.C.D., il-komunità ta’ patrijiet Tereżjani u saċerdoti oħra.

Min kien Adeodato Micallef?

Adeotato Micallef twieled fis-17 ta’ Diċembru 1928, iben George u Marianna Micallef, minn Birkirkara. Fl-età ta’ 18-il sena ngħaqad mal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi.
Bejn is-snin 1950-1955 studja t-teoloġija f’Ruma fejn ħa l-kwalifika fit-teoloġija.
Ħa l-aħħar voti tiegħu fis-sena 1951 u sar membru tal-Ordni. Fis-sena 1954 huwa kien ordnat qassis. Meta ġie lura minn Ruma tgħallem it-teoloġija morali.

Ritratti: Il-Knisja f'Malta – Ian Noel Pace