Illum il-25 anniversarju tas-sensiela Friends

25 sena ta' ħbiberija: Friends - Ritratt: Warner

Kien bħal-lum 25 sena ilu, nhar it-22 ta’ Settembru 1994, li bdiet tixxandar għall-ewwel darba s-sensiela Friends.

Hekk hu! Ross, Rachel, Joey, Monica, Chandler u Phoebe ilhom magħna 25 sena u għalkemm is-sensiela ilha li twaqqfet 15-il sena, dawn il-karattri għadhom popolari madwar id-dinja. Prova ta’ dan huwa l-fatt li s-sena l-oħra Friends kienet it-tieni sensiela l-aktar popolari fuq in-Netflix.

Tant baqgħet popolari li l-HBO Max din is-sena ħallas is-somma ta’ $425 miljun biex fl-Istati Uniti, l-episodji ta’ Friends ma jibqgħux fuq in-Netflix, iżda jgħaddu fuq il-pjattaforma tiegħu. Madanakollu, Friends baqgħet aċċessibbli għal min għandu Netflix f’pajjiżi Ewropej.

Tul l-10 snin li damet għaddejja, Friends kellha artisti kbar li taw is-sehem tagħhom, u dawn jinkludu lil Brad Pitt, Sean Penn, Danny DeVito, Bruce Wiillis, Tom Selleck, Susan Sarandon, Winona Ryder, Reese Witherspoon, Billy Crystal u Robin Williams.

Kurżità interessanti hija li d-data tat-22 ta’ Settembru kienet il-bidu ta’ bosta sensiliet oħra ta’ suċċess.

Fl-istess jum, iżda fl-2009 kienu bdew is-sensiliet N.C.I.S. Los Angeles, kif ukoll The Good Wife. L-ewwel waħda għadha għaddejja filwaqt li The Good Wife waqfet iżda minnha ħarġet is-sensiela The Good Fight bi Christine Baranski.

Jekk inmorru ftit snin qabel, fit-22 ta’ Settembru tal-2004, kienu bdew jixxandru żewġ sensiliet oħra ta’ suċċess: Veronica Mars, u Lost filwaqt li sena qabel, fit-22 ta’ Settembru 2003 kienet is-sena ta’ Two & A Half Men li damet għaddejja għal xejn inqas minn 12-il sena.

Lura aktar fis-snin, din id-darba fit-22 ta’ Settembru 1999 bdiet is-sensiela li kisbet suċċess internazzjonali, The West Wing.

Il-lista ta’ sensiliet ta’ suċċess li bdew jixxandru fid-data tat-22 ta’ Settembru tkompli titwal.

Fit-22 ta’ Settembru 1989 bdiet is-sensiela Family Matters, u fl-istess jum is-sensiela Baywatch b’David Hasselhoff u Pamela Anderson.

Sentejn qabel, fit-22 ta’ Settembru 1987, rajna l-bidu tas-sensiela Full House.

Iżda żgur li waħda mill-aktar sensiliet ta’ suċċess li għadhom popolari sal-lum, hija dik li bdiet bġal-lum 43 sena ilu, għax kien proprju 43 sena ilu li d-dinja ssaħħret wara Farrah Fawcett, Jaclyn Smith u Kate Jackson, protagonisti ta’ Charlie’s Angels.

Għadhom popolari sal-lum u s-sena d-dieħla se joħroġ film ieħor fiċ-ċinema, iżda jekk tippreferu l-oriġinali, dawn qed jixxandru kuljum għall-ħabta tas-07.00am fuq l-istazzjon Taljan Rai Due.