​Illum iddedikat għalik jekk qatt xtrajt xi ħaġa

L-Għaqda tal-Konsumaturi qed tfakkar il-Jum tal-Konsumaturi li din is-sena għandu t-tema “Lejn Swieq Diġitali aktar Ġusti”.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li dan il-jum ifakkar li s-swieq ma jiddependux min-negozji biss iżda wkoll mill-konsumaturi.
Skont l-għaqda,  is-swieq diġitali kibru u se jkomplu jbiddlu d-dinja tal-konsumaturi. Hi qalet li “permezz tal-internet il-konsumaturi jistgħu jixtru prodotti aktar varji, bi prezzijiet orħos u minn kważi kull pajjiż.”
Fi kliem l-Għaqda tal-Konsumaturi, l-aktar ħaġa importanti hi li l-konsumaturi f’dan is-suq ikunu kunfidenti li l-aċċess għall-internet ikun wieħed wiesa’ u sigur.
Intqal ukoll li hemm żewġ fatturi li qed jillimitaw il-kummerċ bl-internet: 

  • In-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom nofs il-konsumaturi f’dan it-tip ta’ kummerċ minħabba l-biża’ ta’ frodi
  • Minkejja avvanz fil-liġijiet biex ma jkunx hemm geoblocking fl-Unjoni Ewropea (UE), dan xorta għadu jsir. Permezz tal-geoblocking il-konsumaturi Maltin qegħdin jiġu mċaħħda milli jixtru minn fuq siti barranin

L-għaqdet temmet tgħid li l-għaqdiet tal-konsumaturi fid-dinja qed jitolbu biex l-awtoritajiet ikunu aktar proattivi f’dan il-qasam u jaħdmu bi sħiħ biex jonqsu skemi foloz u biex il-prezzijiet ikunu ġusti.