Filmat: Ir-referendum dwar il-kaċċa jista’ jsir

Il-Qorti Kostituzzjonali dalgħodu ħabbret id-deċiżjoni tagħha li r-referendum dwar il-kaċċa f’Malta jista’ jsir. F’sentenza ta’ 24 paġna, il-Qorti tispjega li ma teżisti l-ebda raġuni biex ma jsirx referendum. Ir-referendum mistenni jistaqsi jekk għandhiex tieqaf il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa.
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti quddiem il-bini tal-Qorti, f’isem il-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, id-Deputat Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li issa jmiss li l-President ta’ Malta tħabbar id-data għall-votazzjoni.
Din mistennija tkun bejn April u nofs Lulju, b’possibiltà kbira li ssir f’Ġunju u li ssir mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Cacopardo qal li l-mira tagħhom hija li t-turnout ikun ta’ 75%.
Spjega li “l-Koalizzjoni li tiġbor fiha 14-il għaqda, se tiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla biex tipprepara l-aħħar irtokki għall-kampanja.”
Il-Perit Cacopardo qal li “hemm ċans kbir li l-istaġun li jmiss tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa jsir, imma probabbli jkun l-aħħar wieħed.”
Żied jgħid li l-Koalizzjoni qed tuża regoli li ilhom hemm 18-il sena, li ma ntużaw qatt għax il-proċess huwa twil u diffiċli.
Spjega li jekk meta joħroġ ir-riżultat ikun jikkonferma li l-kaċċa fir-Rebbiegħa ma tibqax issir, il-President ta’ Malta tiffirma mill-ewwel il-proklama, li tikkanċella l-legal notice.
Fi stqarrija, Romina Tolu, mill-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa (CASH), qalet li dan hu jum storiku għal Malta u rebħa għad-demokrazija. Fakkret kif il-proċedura, li wasslet sad-deċiżjoni ta' dalgħodu, kienet waħda twila u li dawk favur il-kaċċa ppruvaw ifixklu lill-poplu u lill-Qorti diversi drabi.
Tenniet li hu ċar daqs il-kristall li l-liġi li dwarha hemm kwistjoni, mhix marbuta mat-Trattat tal-UE.  It-talba għar-referendum kienet saret mill-CASH quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Dan wara li l-Kummissjoni Elettorali kienet sodisfatta li l-petizzjoni li tressqet quddiemha kienet ġiet iffirmata minn iktar minn 10% tal-popolazzjoni Maltija eliġibbli biex tivvota.
Sa Marzu li għadda kienu ffirmaw il-petizzjoni iktar minn 41,000 ruħ li jinsabu fuq ir-Reġistru Elettorali.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kienet oġġezzjonat iżda l-Qorti ċaħdet ir-rikors tal-għaqda. Fil-Qorti dalgħodu 

Reazzjoni Alternattiva Demokratika
Il-Professur Arnold Cassola, Chairperson ta' Alternattiva Demokratika, iddeskriva d-deċiżjoni tal-Qorti bħala t-tmiem ta' ftehim sigrieti bejn politiċi tal-PL u l-PN u l-lobby tal-kaċċaturi f'Malta. Qal li issa l-poter tad-deċiżjoni qiegħed kollu f'idejn il-poplu Malti.
Hu rringrazzja lill-għaqdiet ambjentali u lis-soċjetà ċivili li aċċettat l-istedina ta' AD daqs sena u nofs ilu biex tiġi ffurmata koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, u tax-xogħol li għamlu biex jiġbru l-firem.
Ħeġġiġhom biex ikomplu bil-ħidma biex jiżguraw li l-kaċċa fir-rebbiegħa ssir parti mill-istorja mgħoddija tal-pajjiż.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Fi stqarrija, il-PN esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Qal li r-referendum qed isir bis-saħħa ta' liġi li ddaħħlet mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u awgura li l-poplu Malti jagħmel l-għażla tiegħu f'kull libertà. 
Dwar id-data tar-referendum, il-PN qal li jistenna li l-President teżerċita l-poter tagħha wara li tkun ikkonsultat mal-partijiet kollha interessati.