“Illum għalaqt 60. Nirringrazzja lill-Mulej li silifhomli” – Gino

Ritratt: Facebook/GinoLombardi

Awguri lill-awtur u attur Gino Lombardi li llum qed jiċċelebra għeluq is-60 sena tiegħu. Twieled bħal-lum it-23 ta’ Lulju tal-1960.

Għal din l-okkażjoni Gino beda l-ġurnata billi rringrazzja lil Mulej li siliflu dawn is-snin u ħallieh hawn s’issa.

“Kellu bosta okkażjonijiet biex jeħodni ħdejh, imma mid-dehra għadu ma jridnix ‘l hemm,” kiteb hu bi ftit umoriżmu waqt li rringrazzja lil martu Carmen talli ħadet paċenzja bih matul 35 sena minnhom.”Nitlobha tiskuża d-djgħufijiet tiegħi … bħalma jagħmlu uliedi,” kompla jgħid hu b’riferenza għal uliedu Kimberley u Nicole.

Gino beda jiċċelebra għeluq sninu mill-bieraħ hekk kif ġie ppreżentat ukoll b’dan il-kejk, f’forma ta’ kotba, li jirriflettu l-karriera tiegħu f’dan il-qasam.

Gino ġej minn familja ta’ awturi u fil-fatt huwa t-tielet wieħed fil-familja. Missieru huwa Elio Lombardi filwaqt li bużnannuh huwa Emilio. Bħala awtur ta’ kotba Gino ppublika bosta kotba li jinkludu Grammi, Leroy – Il-Villa li Tleqq, Leroy L-Eroj!, Odessa, Bla Isem u Id mill-Ġenna. 

Huwa wkoll attur li fost oħrajn ħa sehem fi produzzjonijiet teatrali u televiżivi li jinkludu Wenzu u Rożi, Santa Monika u Grammi, addattament televiżiv tal-ktieb tiegħu.

Għal bosta snin Gino kien jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta.

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.