Filmati u Ritratti: “Se nisma'”, prijorità tal-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex

Read in English.

Rappurtaġġ minn Għawdex: Beppe Galea, Anton D’Amato

Fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, in-Nunzju Appostoliku Mons. Alessandro D’Errico llum ħabbar l-isem tal-isqof il-ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex u jippreżentah lid-Djoċesi.  Dan huwa Dun Anton Teuma ta’ 56 sena u li ġej mill-Parroċċa tax-Xagħra.

Tħabbira tal-Isqof il-ġdid ta' GħawdexAqra iktar: https://bit.ly/3hDPzz2

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, June 17, 2020

L-Isqof il-ġdid huwa qassis li wara l-ordinazzjoni tiegħu wettaq ħidma pastorali f’Ruma u ilu ħafna snin iwettaq ħidma pastorali f’Għawdex. Dan se jkun id-disa’ isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fil-ġimgħat li għaddew diversi media lokali spekulaw b’mod żbaljat dwar min se jokkupa din il-ħatra. 

Ittra Pastorali minn Mons. Mario Grech

L-Isqof Mario Grech ħareġ ittra pastorali biex jintroduċi lill-Isqof il-ġdid mad-djoċesi. Kienet ix-xewqa tal-Isqof Grech li t-tħabbira ssir fis-Santwarju ta’ Pinu minflok fil-Kurja. Huwa ddeskriva lil Dun Anton bħala persuna ta’ qalb kbira “li tfawwar bl-imħabba lejna lkoll, partikolarment lejn dawk li huma ċkejkna fis-sens wiesa’ tal-kelma”.

Xita ta’ messaġġi ta’ awgurju

Mill-ewwel bdew ħerġin il-messaġġi ta’ awgurju. L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljajru Joseph Galea-Curmi ferħu lill-Isqof-elett Mons. Anton Teuma għall-ħatra tiegħu. Irringrazzjaw lill-Isqof Mario Grech għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar 14-il sena bħala ragħaj tad-Djoċesi ta’ Għawdex u kollaboratur ewlieni fil-Konferenza Episkopali Maltija. L-Arċisqof Scicluna u l-Isqof Galea-Curmi jwiegħdu t-talb tagħhom u tal-Knisja f’Malta għall-Isqof-elett u għad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Kemm il-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-kelliem tal-PN għal Għawdex awguraw lil Mons. Teuma filwaqt li rringrazzjaw lill-Isqof Grech għall-ħidma tiegħu.