Illum erba’ żgħażagħ ġew ordnati djakni

Illum fid-9.30am ġewwa l-Knisja Arċipretali taż-Żejtun, Mons. Arċisqof Charles Scicluna ser jordna erba’ żgħażagħ djakni.

L-ewwel minn tlitt gradi tal-Ordni Sagri, id-djakonat jsib l-qofol tiegħu fil-missjoni tas-servizz lejn il-membri tal-Knisja kollha u x-xandir tal-Kelma ta’ Alla. Bl-għajnuna ta’ Alla, is-sena d-dieħla dawn jiġu ordnati saċerdoti.

Din is-sena minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom, id-data ppjanata kellha tinbidel u minn ċelebrazzjoni li fiha jinġabru ħafna nies, dan kellu jiġi limitat.

In-numru ta’ siġġijiet disponibbli ser ikun wieħed limitat u strettament bl-invit peress li l-preċedenza ser tingħata, kif inhu xieraq, lill-familjari stretti. Minflok din ser tixxandar live fuq TVM2, Newsbook.mt, u l-YouTube Channel u l-paġna ta’ Facebook tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-erba’ kandidati li ser jiġu ordnati djakni huma:

  • Roderick Baldacchino mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
  • Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun
  • Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
  • Mark Scicluna tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini

Tlieta minn dawn iż-żgħażagħ tkellmu ma’ 103 – Malta’s Heart u rrankkuntaw kif qegħdin iħossuhom ftit siegħat qabel dan il-pass u anke xi praspar li saru s-seminarju u l-kunvent.