Illum aktar protesti f’Gaża biex titfakkar in-Nakba, qalb tensjoni u funerali

Hekk kif illum titfakkar is-70 sena minn Jum il-Katastrofi, jew bil-Għarbi, in-Nakba, jiġifieri meta fl-1948 eluf ta’ Palestinjani ħarbu minn arthom u nħoloq l-Istat ta’ Iżrael, mistennija aktar protesti wara dik imdemmija tal-bieraħ.
It-tensjoni mistennija tkun fl-aqwa tagħha fil-Medda ta’ Gaża, fejn illum se jsiru l-funerali ta’ dawk li nqatlu lbieraħ mis-suldati Iżraeljani. F’waħda mill-agħar mumenti tal-kunflitt, ilbieraħ inqatlu 55 Palestinjan ieħor waqt protesti kontra l-ftuħ tal-Ambaxxata Amerikana f’Ġerusalemm.
Il-mossa ta’ Trump infurjat ħafna Palestinjani, għax kienu jittamaw li l-Lvant tal-belt se jkun tagħhom ladarba jkollhom stat indipendenti. L-Istati Uniti diġà kellha ambaxxata f’Tel Aviv.
Did-deċiżjoni trid tittieħed anki fil-kuntest ta’ deċiżjoni oħra ta’ Trump fl-aħħar xhur, li analisti qed jiħduha bħala turija li l-Istati Uniti m’għandhiex għal qalbha l-paċi fir-reġjen, jiġifieri meta Trump iddikjara lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Sadanittant, uffiċjali Palestinjani qalu li lbieraħ indarbu mal-2,700 persuna.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li s-suldati kienu qed jipproteġu lill-pajjiż mill-Ħamas, il-partit elett mill-Palestinjani. Iżrael iqis lil Ħamas bħala terroristi.
Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Magħquda iddeskriviet l-attakk bħala ksur ikrah tad-drittijiet umani.
Il-protesta tal-bieraħ kienet ukoll parti minn serje ta’ protesti li issa ilhom għaddejjin sitt ġimgħat, bl-isem ta’ It-traġitt il-kbir lura, li jfakkar f’dawk il-Palestinjani li kellhom jaħarbu mill-pajjiż, u jenfasizza d-dritt tagħhom li jerġgħu lura f’arthom.
Din is-sensiela ta’ protesti mill-ewwel ġurnata tagħha kienet bdiet bid-demm.