Illum 41 sena mill-qtil ta’ Karin Grech

Karin Grech inqatlet bħal-lum 41 sena ilu, jiġifieri fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 permezz ta’ ittra bomba. Sal-lum il-ġurnata, il-każ tagħha għadu ma ġiex solvut.

Meta nqatlet, it-tifla kellha biss 15-il sena. Dan ġara wara li hi ġabret ittra li kienet indirizzata lil missierha t-tabib Edwin Grech. L-ittra splodiet f’idejha. Karin kienet fil-preżenza ta’ ħuha meta sabet l-ittra, li kienet tpoġġiet ġo kaxxa miksija b’karta tal-Milied. Kienet fetħitha hekk kif ħasbet li rċeviet rigal.

Hi kienet ittieħdet l-Isptar San Luqa iżda mietet madwar nofs siegħa wara. Il-każ tagħha kien ġie meqjus bħala l-ewwel attakk terroristiku f’Malta.

X’kien qed jagħmel it-tabib Grech?

It-tabib Edwin Grech dak iż-żmien kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-istess sptar fejn mietet bintu. Dik is-sena, minkejja li t-tobba f’Malta kienu qegħdin fuq azzjoni industrijali, Grech kien baqa’ għaddej b’xogħolu fi sptar ġewwa r-Renju Unit. Ftit wara kien intalab mill-Gvern sabiex jiġi jaħdem f’Malta bħala Kap tad-Dipartiment sakemm tintemm l-azzjoni industrijali. B’hekk hu deher li qed jikser l-istrajk tat-tobba.

Meta ntbagħtet il-bomba d-dar tat-tabib, bomba oħra kienet intbagħtet lil tabib ieħor u Membru Parlamentari Laburista ta’ dak iż-żmien, Paul Chetcuti Caruana. Din iżda kienet falliet milli tisplodi.