Qattus ieħor imsallab fil-Mosta din id-darba mal-kanċell li jdawwar l-istatwa ta’ Santa Marija fi Triq it-Torri, kantuniera ma' Triq il-Kurat Calleja.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistat Gabriella Vella li fetħet inkjesta.
Din it-tip ta’ moħqrija fuq l-annimali ilha ssir minn Ottubru 2011 u dan kien is-seba’ każ fil-Mosta fejn instab annimal imsallab ma’ xi grada. L-ewwel każ kien instab kelb imsammar u mdendel ma’ bieb ta’ dar fil-Mosta li ma joqgħod ħadd fiha.
Ix-xahar li għadda Newsbook kien irrapporta li skont il-Pulizija, ġew interrogati tliet persuni b’rabta ma’ dawn il-każi ta’ moħrija fuq l-annimali. Il-pulizija qalet li minn barra rondi mal-lokalità, qed issir għassa ma’ dawk li jistgħu ikunu postijiet strateġiċi.
Jirriżulta li l-każi kollha minbarra tlieta, kellhom ħafna similaritajiet u dan ifisser li setgħu saru mill-istess individwu jew grupp. Dwar jekk dawn il-każi għandhomx x’jaqsmu ma’ riti sataniċi, il-kumment tal-pulizija kien li mhu qed teskludi xejn u sadanittant għadha qed tanalizza l-provi kollha.
Ritratt: L-iskola fejn f'Jannar li għadda instab qattus imsallab ieħor