Illiberati t-tliet irġiel “li żammew lill-ġurnalisti msakkrin f’Kastilja”

Read in English.

It-tliet irġiel li żammew lill-ġurnalisti milli joħorġu minn Kastilja s-sena li għaddiet inħelsu minn kull akkuża.

Il-każ ġara fid-29 ta’ Novembru li għadda, qalb il-ħafna protesti li kienu għaddejjin fil-pajjiż b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Erba’ ġurnalisti ma tħallewx joħorġu mill-Berġa ta’ Kastilja għall-ħabta tat-3am wara konferenza stampa tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-irġiel inkwistjoni kienu Jody Pisani, Mark Gauci u Emanuel McKay. Huma kienu akkużati li żammew lill-ġurnalisti illegalment. Il-ġurnalisti kienu Monique Agius u Miguela Xuereb minn Newsbook.com.mt, Julian Bonnici minn Lovin Malta u Paul Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia.

Fis-sentenza tal-Qorti llum, il-Maġistrat Joe Mifsud iddikjara li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li turi li l-ġurnalisti nżammu illegalment.

L-irġiel kienu rrifjutaw li jgħidu min huma, huma u jwaqqfu lill-ġurnalisti milli joħorġu. Monique Agius ġibdet filmat ta’ dan kollu bil-mowbajl tagħha.

‘Il-Pulizija setgħet investigat aħjar’

Il-Maġistrat Joe Mifsud għamilha ċara li mhuwiex sodisfatt b’kif il-Pulizija investigat dan il-każ. Il-mod kif il-Pulizija aġixxiet fuq il-każ jaf immina l-prosekuzzjoni tat-tliet irġiel, ikkonkluda l-Maġistrat.

Is-sentenza tal-Maġistrat tgħid li, “Il-każ seħħ fid-29 ta’ Novembru 2019, ir-rapport għand il-pulizija daħal fit-2 ta’ Diċembru 2019 u l-akkużi ħarġu fl-14 ta’ Lulju 2020. Il-Pulizija kellha aktar minn tmien xhur biex tinvestiga, tiġbor ix-xhieda u d-dokumenti kollha u tippreżenta każ komplut quddiem din il-Qorti. Ħadd m’għandu jippretendi li tkun il-Qorti li ssewwi n-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Il-Qorti tiddeċiedi l-każijiet li jkollha fuq dak li jinġab quddiemha u mhux fuq dak li jingħad barra minn dawn l-awli, f’xi rapport fuq xi ġurnal, f’xi portal jew fis-social media.”

Huwa semma kif minkejja li Agius u Xuereb għamlu rapport għand il-pulizija, dan ir-rapport ma ġiex esebit fil-qorti. Il-pulizija ressqu lil tliet persuni, iżda l-Maġistrat osserva kif fil-filmat hemm grupp akbar ta’ nies, b’kuntrast ma’ dak li qal l-Ispettur Daryl Borg. Paul Caruana Galizia identifika erba’ persuni oħra f’rapport li għamel mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-Qorti nnutat kif “min investiga dan il-każ ma ħax il-verżjonijiet ta’ dawk li organizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet u ma sarx attentat biex ikun magħruf min għalaq il-bieb (jekk kienx imsakkar jew le),” u dan il-fatt il-Qorti tqisu bħala kruċjali f’jekk il-Prosekuzzjoni riditx tirnexxi f’dan il-każ.

Filwaqt li l-akkużi semmew lil erba’ ġurnalisti, kien hemm aktar ġurnalisti preżenti, u l-verżjoni tagħhom ma ttiħditx mill-investigaturi. Għalhekk, jidher li l-Prosekuzzjoni bbażat il-każ tagħha fuq il-filmat meħud minn Monique Agius biss.

Il-Maġistrat staqsa dwar kif l-akkużati ma kinux lebsin tikketta b’isimhom, u xi rwol kellhom waqt il-konferenza, kif ukoll lil min kienu qegħdin jirrappreżentaw. Huwa semma wkoll kif il-ġurnalisti Maltin mhumiex imħarrġin biżżejjed f’kif għandhom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet intensivi u perikolużi. Qal li l-Istitut Ġurnalisti Maltin għandu jkollu rwol f’dan.

Madankollu, il-Maġistrat spjega kif għandu jdejh marbutin mill-akkuża u l-evidenza preżentata mill-Prosekuzzjoni. Huwa temm jgħid li filwaqt li l-każ seħħ f’ambjent kaotiku u ta’ tensjoni minħabba l-protesti li kienu għaddejjin, “il-Qorti ma tħosshiex moralment konvinta li l-Prosekuzzjoni laħqet il-grad ta’ prova rikjesta minnha, allura l-Qorti trid tillibera lill-imputati.”