Illiberat ix-xufier ta’ Simon Busuttil

Ġie illiberat ix-xufier tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet Busuttil qal li neħħa is-sospensjoni tax-xuffier tiegħu wara li l-investigazzjoni dwar ix-xufier ma sabet l-ebda każ fil-konfront tiegħu.
F’Diċembru li għadda, f'konferenza fil-bini tal-Parlament Simon Busuttil kien qal li tkellem max-xufier u dan ċaħad kwalunkwe irregolarità iżda fl-istess waqt ħa azzjoni billi talab lill-Parlament biex jissospendi lix-xufier sakemm tispiċċa l-investigazzjoni.
Tenna li dan il-każ wera d-differenza kbira fl-istandards bejn iż-żewġ partiti.
Min-naħa tiegħu l-Ispeaker kien waqqaf is-sospensjoni tax-xufier għax “ma kienx hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika azzjoni drastika bħal din”.
Qal li filwaqt li hu ħa azzjoni mill-ewwel u ssospenda lix-xufier, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu lanqas biss issospenda lil Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq materja ferm u ferm aktar gravi, aħseb u ara kemm keċċihom. 
Tenna li  meta ħarġet l-aħbar, il-Partit Laburista kien dlonk ħareġ stqarrija jgħid li għandu jerfa’ r-responsabbilita politika ta’ dan il-każ.
Qal li biex issir ħsara politika lilu, ġie użat u attakkat u saret kruċjata kontra sempliċi ħaddiem, xufier, li ma kienx jixraqlu li jiġi trattat b’dan il-mod.
Tenna li jistenna li l-Ispeaker tal-Kamra jara li min kien wara dan ir-rapport bla bażi u jerfa’ r-responsabbilità.
Saħaq li jistenna li tintalab skuża lil Toni Tabone talli ġie mgħoddi minn din il-kruċjata għal xejn b’xejn.