Illejla: Triq ewlenija magħluqa mis-6pm

Mis-sitta tal-lejla l-quddiem,  iż-żewġ pontijiet li jgħaqqdu l-karreġġjata fid-direzzjoni tan-nofsinhar tal-Imrieħel Bypass mal-Marsa-Ħamrun Bypass ser ikunu magħluqin minħabba xogħol ta’ manutenzjoni. It-telgħa li tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni tal-Marsa-Ħamrun Bypass se tingħalaq mis-6pm , filwaqt li l-konnessjoni bejn l-istess karreġġata għall-mina li tagħti għal Ħal Qormi u l-Imrieħel Bypass se tingħalaq fid-9pm.

L-aħħar xogħolijiet fuq il-korsiji ġodda u dawk mibnija mill-ġdid tal-Marsa-Hamrun Bypass li nfetħu għall-pubbliku l-ġimgħa li għaddiet se jsiru bil-lejl, u fi tmiem il-ġimgħa matul il-ġimagħtejn li ġejjin. Il-karreġġjata tan-nofsinhar se tingħalaq f’kull ħin minn kmieni s-Sibt 29 ta’ Settembru sal-għada l-Ħadd filgħodu, u bil-lejl bejn it-Tnejn l-1 ta’ Ottubru u l-Erbgħa 3 ta’ Ottubru. Il-kumplament tax-xogħol fuq il-karreġġjata tat-tramuntana tal-istess triq se ssir fl-istess ħinijiet, il-ġimgħa ta’ wara, bejn is-Sibt 6 u l-Erbgħa 10 t’Ottubru.

Dawk li jgħaddu minn dawn iż-żoni huma mitluba jsegwu t-tabelli bid-direzzjonijiet għal toroq alternattivi jew jgħaddu minn rottot oħra.