Awdjo: Illejla titħabbar id-data tal-Konklavi: probabbli fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla

Illejla mistenni jitħabbar id-data tal-ftuħ tal-Konklavi, għall-ħabta tas-7pm.

Dan wara li l-kardinali se jivvutaw għal meta se jibda l-Konklavi.

Dan tħabbar minn Patri Federico Lombardi, kelliem għas-Santa Sede, waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Lombardi qal li d-deċiżjoni probabli tkun li l-Konklavi jibda fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

Patri Lombardi qal li l-kulleġġ tal-kardinali rċieva l-ittri mingħand iż-żewġ kardinali li għalkemm eleġibbli, mhux se jipparteċipaw fil-konklavi. Dawn huma l-kardinal O’Brien mir-Renju Unit, u ta’ kardinal ieħor minħabba raġunijiet ta’ saħħa. L-aħħar kardinal li wasal fil-Vatikan kien dak mill-Vietnam.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti għalfejn se jkun hemm pjattaforma tal-injam li tgħatti l-art tal-kappella Sistina, wieġeb li dan minħabba li l-art mhijiex dritta kullimkien.

Hu qal li bil-preżenza tal-kardinali kollha eleġibbli li jivvutaw fil-Vatikan, issa tista tittieħed id-deċiżjoni li jibda l-Konklavi mingħajr aktar dewmien.