Illejla: Spettakli kbar pirotekniċi għall-festa ta’ Santa Marija fl-Imqabba

Ninsabu fix-xahar ta’ Awwissu, ix-xahar tal-Festa Titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba.  Festa popolari li tiġbed lejha eluf ta’ persuni kemm Maltin u Barranin.

Din is-sena l-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba għandha preparat spettakli kbar ta’ nar bħas-snin l-imgħoddija.

Il-piroteknika hija misuġa fil-kultura u t-tradizzjoni tal-poplu ta’ dan ir-raħal li tmur lura għas-Seklu Dsatax, fejn sa mill-bidu, l-Imqabba kienet imfittxija mid-dilettanti għall-kwalità ta’ nar li tipproduċi kemm tal-ajru u kemm tal-art.  Arti li din l-Għaqda hija magħrufa għall-innovazzjonijiet tul dawn is-snin kollha.

L-ispettaklu ta’ din is-sena Fireworks Spectacular 2019 li jittella’ lejlet il-festa ta’ Santa Marija huwa kompost minn madwar siegħa u nofs li jinkludu 26 minuta ta’ nar sinkronizzat mal-mużika magħmula minn madwar 12,000 shot u li jinkludi fiħ it-Torri tad-Dawl; Torri tal-metal għoli 57 metru li minnu jinħolqu diversi effetti.

Parti oħra tinkludi nar tradizzjonali Malti tal-beraq u kulur li jagħti identità tipika Maltija lil dan l-ispettaklu.

Fl-aħħar parti naraw Gran Final magħmul minn diversi effetti u ftuħ jew blalen imdaqqsa.  F’dan l-ispettaklu ser tkun qed tispikka innovazzjoni ġdida li ser tkun qed tidher għall-ewwel darba.

Spettaklu li jittella’ llejla, l-Erbgħa 14 ta’ Awwissu u li jibda fid-9:30pm fi-Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija (Bypass).

Hekk kif jintemm dan l-ispettaklu, jingħata bidu għall-spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-Art fit-Triq li tagħti għall-Pjazza tal-Knijsa.  Wirja li tinkludi diversi biċċiet magħmula minn ingranaġġi u mekkaniżmi; tradizzjoni oħra antika relatata ma’ dan ir-raħal.

Għalkemm l-ispettaklu prinċipali huwa dak ta’ lejlet il-Festa, il-logħob tan-Nar jinħaraq matul il-ġranet kollha tal-Festa, b’mod interessanti wkoll f’Jum il-Festa għada l-Ħamis 15 ta’ Awwissu fejn fis-7:15pm waqt ħruġ il-Vara ta’ Santa Marija tinħaraq kaxxa nfernali b’sistema komputerizzata u wara jsegwu murtali tradizzjonali tal-Murtaletti bil-logħob u wara murtali tal-beraq u kulur li jakkumpanjaw il-purċissjoni.

Marċi tradizzjonali b’xejra moderna

Apparti dan kollu il-Festa hija komposta minn  diversi elementi oħra fosthom il-brijju fil-Marċi preparati mis-Sezzjoni Żgħażagħ.  Spikkaw il-Marċi tal-11, 12 u 13 ta’ Awwissu fejn dan tal-aħħar intemm bi spettaklu ta’ dwal u nar sinkronizzati mal-mużika fil-Pjazza tal-Imqabba. Ċelebrazzjoni ta’ Festa mużikali fejn ħadet sehem il-King George V Youth Band akkumpanjata minn DJ Ziggy.

Jispikka wkoll il-marċ ta’ Nofshinar nhar il-15 ta’ Awwissu fejn ma’ tmiem il-marċ jittella’ spettaklu ta’ karti sinkronizzati mal-mużika.

Jum il-Festa

Il-qofol ta’ Festa jintlaħaq nhar l-Assunta permezz tal-purcissjoni bil-Vara ta’ Santa Marija madwar iċ-ċentru tar-raħal.

Festa li wieħed jista’ jżur sal-15 ta’ Awwissu fejn wieħed jista’ jammira dan ir–raħal pittoresk armat u mżejjen għal din il-Festa permezz ta’ diversi armar bħall-pedestalli, bandalori u pavaljuni fost l-oħrajn.

Wieħed jammira d-daqq tal-baned, il-brijju tal-marċi, daqq tal-qniepen, il-knisja armata u l-ħsejjes tal-murtali li kolla f’daqqa jagħtu identità ta’ Festa Tradizzjonali Maltija.

Aktar informazzjoni fuq www.santamarija.com u www.facebook.com/santamarija