Illejla jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-PN

Il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti qed jiġu msejħa għal laqgħa tal-Grupp Parlamentari fil-5.30pm tal-lejla, fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Din l-informazzjoni li waslet minn sorsi infurmati ta’ Newsbook.com.mt, ġiet ikkonfermata mal-kelliem għall-Partit Nazzjonalista. Din hija l-ewwel laqgħa tal-Grupp Parlamentari wara l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fost l-oħrajn dwar vjolenza domestika. Delia ċaħad kemm-il darba l-allegazzjonijiet u sejjaħ dak li ntqal fuqu bħala ‘qlajjiet malinni’. Kien qal ukoll li politiku li jinstab ħati ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ vjolenza domestika, fost affarijiet oħra, ma għandux pożizzjoni tenibbli fil-politika.

Tal-Gvern fatti, tiegħi allegazzjonijiet – Delia

F’intervista ma’ Sylvana Debono fuq RTK 103FM, Dr Delia kien sostna li l-aħħar darba li kien tlaqqa’ dan il-grupp kien propju fis-27 ta’ Diċembru. Meta mistoqsi dwar jekk hux se jkun qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari, Delia ma kienx ta data minkejja li kien ġie mistoqsi diversi drabi. Minflok, hu kien qal li ma kellux problema li jlaqqgħu. Intant kien spjega li kien iltaqa’ ma’ diversi membri parlamentari individwalment.

L-Amministrattiv jiddikjara fiduċja f’Delia

Xi ġimgħat ilu, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ddikjara fiduċja fil-Kap Nazzjonalista f’laqgħa li wkoll saret fid-Dar Ċentrali. Dan kien tħabbar mill-partit stess fejn ġie spjegat li l-Kunsill Amministrattiv iddikjara l-appoġġ tiegħu “b’mod unanimu”.