Aġġornata: Strajk tal-petrol wara s-6 pm

Il-Kamra għan-Negozi Żgħar u Medji (GRTU) ordnat lill-membri tagħha tal-pompi tal-petrol biex jagħtu servizz sas-6 pm biss minn għada.

Fi stqarrija, il-GRTU qalet li d-diskussjonijiet li kellha mal-Gvern ma waslux għal-qbil. Il-pompi tal-petrol se jkunu qed jagħtu servizz fil-ħinijiet li tkun miftuħa l-pompa biss.

Qalet ukoll li l-ħlas tal-liċenzji tal-pompi lir-REWS se jkunu qed jinżammu. Fi kliem il-GRTU, dawn l-azzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sakemm jinstab ftehim. Mhux eskluż li l-azzjonijiet jiżdiedu fil-jiem li ġejjin.

Fil-fehma tal-GRTU, hi ppreżentat soluzzjonijiet li bihom ma jiġix affetwat il-konsumatur.

Fis-7 pm illum bdiet laqgħa bejn il-GRTU u l-Gvern biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-pompi tal-petrol. Skont ir-rappreżentant tal-GRTU għall-pompi tal-petrol James Meli jekk ma tinstabx soluzzjoni, il-pompi tal-petrol se jkunu qed imorru fuq strajk.

Meli li jmexxi pompa tal-petrol ma tantx kien ottimist dwar il-laqgħa tal-lejla. Fis-7 pm, flimkien mal-membri l-oħra tal-GRTU kien qed jispera li jkun jista’ jinnegozja mal-Gvern u li jikseb riżultat pożittiv dwar l-iffinanzjar tas-servizzi tagħhom.