Illejla Nicole Frendo f’festival fuq Rai Due

Ritratt: Facebook

Il-kantanta llejla Nicole Frendo se tkun qed tikkompeti fil-finali tat-62 edizzjoni tal-Festival di Castrocaro li se jixxandar dirett fuq Rai Due mid-9.20pm ‘il quddiem. Il-festival se jixxandar kontemporanjament fuq Rai Radio 2.

Belen Rodriguez u Stefano De Martino se jkunu qed imexxu dan il-festival filwaqt li Simona Ventura se tkun il-kap tal-ġurija.

Il-finalisti f’din l-edizzjoni huma Alfredo Bruno (26 sena), Anita Guarino (20 sena); Debora Manenti (21 sena); Gaia Gemmellaro (18-il sena); Giovanni Arichetta (25 sena); Michele Sechi in arte Mike Baker (21 anni, di Vico Pisano-Pi); Nicole Frendo (17-il sena), Riad Souala (23 sena); Roberto Tornabene “Berna” (17-il sena); Rosario Canale “Kram” (27 sena).

Dan il-festival huwa meqjus bħala t-talent show l-aktar antik fl-istorja tal-mużika Taljana u li fl-imgħoddi kien ta’ pjattaforma għal artisti bħal Eros Ramazzotti, Zucchero, Nek, Fiorella Mannoia u Laura Pausini, fost ħafna oħrajn.

Il-finalisti kollha se jkantaw live, akkumpanjati minn mużiċisti.

L-interess tal-Maltin bla dubju se jkun għal Nicole Frendo, li aktar kmieni din is-sena rajniha fil-finali tal-ewwel edizzjoni tal-kompetizzjoni televiżiva X Factor Malta. Kienet ukoll parti mill-ġurija fl-aħħar edizzjoni tal-Eurovision Song Contest kif ukoll dan l-aħħar kienet ukoll waħda mill-kantanti mistiedna fil-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja li sar fuq il-Fosos tal-Furjana.

Awguri Nicole!

AQRA: Nicole Frendo fil-finali tat-62 edizzjoni tal-Festival di Castrocaro fuq Rai 2