Illejla n-nar ta’ lejlet San Pawl se jsir kif ippjanat

L-ispettaklu tradizzjonali tan-nar tal-ajru, li jsir kull sena lejlet il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, illejla se jsir normali.
Dan wara li lbieraħ, il-Pulizija żammet il-permessi lill-Għaqda tal-Pawlini minħabba oġġezzjoni ta’ Heritage Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Segretarju tal-Għaqda tal-Pawlini Antoine Farrugia qal li wara li lbieraħ inżamm il-permess, l-Għaqda ma qatgħetx qalbha u dalgħodu reġgħu ltaqgħu mal-partijiet kollha konċernati.
“Fehmna aktar lil xulxin b’mod paċifiku u wasalna għal kompromess,” qal Farrugia.
Spjega, li Heritage Malta, li kienet qed toġġezzjona għal dan il-permess, irtirat l-oġezzjoni tagħha u l-Pulizija setgħet toħroġ il-permess tagħha.
Min-naħa tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini ħadet il-prekawzjonijiet kollha. Fost dan se jkun żgurat li ħaddiema ta’ sigurtà li jkunu fil-Forti Sant’Iermu, fil-ħin tal-ispettaklu ma jibqgħux fil-partijiet li jistgħu jkunu ta’ periklu għalihom.
Apparti dan, l-Għaqda ħallset l-assigurazzjonijiet kollha li ntalbu mill-awtoritajiet.
Illejla, fil-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu, il-Vigaru Ġenerali jmexxi t-translazzjoni solenni tar-relikwa, għasar u quddiesa ta’ Lejlet il-Festa.
Wara jibda marċ mill-Banda Filarmonika Nazzjonali La Valette li jibqa’ nieżel sa ħdejn il-Barrakka t’Isfel għal biswit il-Qanpiena. Hemmhekk jibda spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru u wara jkun hemm dak tal-art.
Għada filgħodu l-Arċisqof Charles Scicluna jmexxi l-Pontifikal tan-Nawfraġju, biex wara l-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu toħroġ il-Purċissjoni bl-istatwa ta’ San Pawl.
Din is-sena l-festa qed tiġi ċċelebrata qabel, minħabba li l-10 ta’ Frar se jaħbat nhar Ras ir-Randan.