Illejla: Maurizio Costanzo jfakkar il-memorja ta’ Mike Bongiorno

Ritratt: Mediaset

Nhar it-8 ta’ Settembru tal-2009 miet il-preżentatur Mike Bongiorno, ikona fil-qasam tat-televiżivjoni Taljana.

Biex jitfakkar dan il-personaġġ f’okkażjoni tal-10 anniversarju minn mindu miet, f’dawn il-ġranet se jkunu qed jitwasslu diversi programmi speċjali kemm fuq ir-RAI, minn fejn Bongiorno kien beda l-karriera tiegħu, kif ukoll fuq l-istazzjon Canale 5 peress li għal snin twal Bongiorno ppreżenta għadd ta’ programmi hemmhekk.

Ritratt: Mediaset

Ix-xandiriet se jibdew mil-lejla permezz ta’ edizzjoni speċjali ta’ Maurizio Costanzo Show li se jkun intitolat Allegria. Dan se jixxandar fuq il-Canale 5 fil-ħin tad-9.20pm ‘il quddiem.

Matul dan il-programm, Maurizio Costanzo se jkun qed jilqa’ bosta personalitajiet li tul is-snin missew ma’ Bongiorno tul is-snin. Dawn jinkudu lil Nikolò Bongiorno, li se jitkellem fuq l-aspett personali ta’ missieru Mike Bongiorno.

Ritratt: Mediaset

Niltaqgħu wkoll mal-preżentatriċi Simona Ventura li ddebuttat bħala parteċipanti fil-programm Telemike tal-1987.

Ma jonqosx ir-rival storiku ta’ Bongiorno, Pippo Baudo, kif ukoll Sabina Ciuffini, Antonella Elia u Paola Barale, li kienu ħadmu miegħu bħala valletti.

Illejla jipparteċipa wkoll Massimo Lopez, li kien jimita lil Bongiorno b’mod mill-aktar perfett u se niltaqgħu ma’ Giuliana Longari, li kienet l-aktar konkorrenta preparata fil-programm tiegħu Rischiatutto.

Bongiorno kien preżenta wkoll 11-il edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo. L-edizzjoni tal-1964 li kien preżenta hu, intrebħet minn Gigliola Cinquetti bil-kanzunetta Non ho l’età.

Minn Sanremo, illejla se jġeddu wkoll il-memorji Valeria Marini u Piero Chiambretti li lura fl-1997 kienu ngħaqdu ma’ Mike Bongiorno fuq il-palk tat-teatru tal-Ariston.

Naraw ukoll x’tifkiriet għandu Gerry Scotti ta’ Mike Bongiorno, kif ukoll x’għandhom x’jirrakkuntaw il-komiċi Pio e Amadeo.

Mhux se jonqsu filmati u bosta mumenti emozzjonanti waqt dan l-ewwel minn bosta programmi li Rai Uno u Canale 5 se jkunu qed ixandru f’dawn il-ġranet biex isellmu l-memorja ta’ dan il-preżentatur ċelebri.