Illejla: Lura fil-ħabs ta’ Santa Monika

Stephanie Chircop illejla se tkun qed iżżomm l-appuntament tagħha ta’ kull ġimgħa fuq l-istazzjon Net biex twassal programm ieħor mis-sensiela Teleserje, li llejla se jitratta s-sensiela Santa Monika, li xxandret bejn l-2005 u l-2008, b’total ta’ 68 puntata, segwita minn film għaċ-ċinema, li kien ukoll intwera f’sitt ibliet Ewropej bħala parti mill-festival tal-films EuroCine 27.

Wara assenza ta’ 8 snin, Santa Monika rritornat għal sentejn oħra fuq l-istazzjon Net, din id-darba bħala soap opera ta’ kuljum.

Illejla l-mistiedna ta’ Stephanie Chircop se jkunu l-awtur Frederick Zammit, kif ukoll Marica Mizzi, li kienet waħda mill-producers tas-serje oriġinali, kif ukoll kienet tinterpreta lil Sandra. Magħhom ukoll l-attriċi Vivienne Caruana li hija waħda minn ħames atturi li baqgħu fis-sensiela mill-bidu sal-aħħar. Hija kienet tinterpreta lil Jessie.

Fost il-ħafna kurżitajiet dwar din is-sensiela, niskopru kif bdiet din is-sensiela, liema kienet l-unika xena li ma kienx kiteb l-awtur, naraw ukoll x’kien x’ġara u kif inħadmet ix-xena fejn il-ħabs ta’ Santa Monika kien ħa n-nar, u kif l-atturi ħadmu huma stess din ix-xena.

Finalment, se tingħata wkoll tislima lill-attriċi Doris Bonello, li kienet tinterpreta lil Anna. Hija wkoll kienet fis-sensiela mill-bidu sal-aħħar. Bonello mietet is-sena l-oħra.

Il-programm Teleserje jixxandar illejla fuq Net fid-9pm.