Illejla l-PN se jiddiskuti lil Adrian Delia; mhux mistennija deċiżjoni

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista llejla mhux mistenni jiddeċiedi dwar il-ġejjieni tal-kandidatura tal-Kap tal-PN Adrian Delia.
Kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal ma’ Newsbook.com.mt li l-laqgħa se tiddiskuti l-allegazzjonijiet li ħarġu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li l-President tal-Kunsill Amministrattiv rċieva talba biex jieħu l-passi li jidhirlu xierqa u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
Madanakollu, filwaqt li ma eskludewx li jistgħu jittieħdu xi passi, sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista qalu ma’ Newsbook.com.mt li jidher li l-proċess għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN se jibqa’ miexi kif ippjanat.
Il-Kelliem għall-PN spjega li għal din il-laqgħa l-ebda mill-erba’ kandidati għall-Kap tal-PN mhu se jattendu. Fil-jiem li għaddew, il-President tal-Kunsill Aministrattiv irċieva ittra mingħand il-kandidat Alex Perici Calascione fejn qallu li mhux se jattendi biex jevita kunflitt ta’ interess.
Fl-aħħar jiem, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li Delia   għandu jew kellu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu, kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho. Hija allegat li dan il-kont huwa f’isem Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Adrian Delia ċaħad kull akkuża u fetaħ tliet libelli kontra l-ġurnalista. Delia qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa.
B’reazzjoni għal-laqgħa tal-lejla l-ġurnalista Dione Borg staqsa x’żamm lill-Partit Nazzjonalista biex iwettaq il-proposta tiegħu li jiskrutinja lill-kandidati li se jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq Facebook, Dione Borg, kien kiteb li kieku l-PN wettaq il-proposta tiegħu, kien jevita kontroversji sħaħ.