Filmati: “Nitlob biex tkun missier twajjeb”- L-Arċisqof lill-Isqof Awżiljarju

LIVE wara l-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, August 4, 2018

Posted by Newsbook.com.mt on Saturday, August 4, 2018

“It-talba tiegħi għalik hi li inti tkun missier twajjeb li jmantni lil uliedu bl-għożża u bl-imħabba”.

Hekk awgura l-Arċisqof Charles Scicluna lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt l-omelija fl-ordinazzjoni llum fil-Katidral tal-Imdina. L-Arċisqof awgura wkoll li Mons. Galea-Curmi jwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, idewwi l-qalb miksura, iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs.

L-Arċisqof irringrazzja lil Mons. Joseph Galea-Curmi talli aċċetta l-missjoni l-ġdida tiegħu. Huwa rringrazzja wkoll lil dawk il-persuni li wasslu biex issir din l-għotja totali ta’ Mons. Galea-Curmi bħala suċċessur tal-Appostli li bħalhom huwa msejjaħ jagħti ħajtu għall-merħla.

L-Arċisqof semma b’mod partikolari l-ġenituri tal-isqof il-ġdid, Paul u Josette, li għallmuh jgħożż il-ħajja bl-imħabba għaliex, bħala Nsara miżżewġin eżemplari, kabbru lilu u lil ħutu fl-għożża tal-imħabba. Irringrazzja wkoll lill-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem (Birkirkara) fejn l-Isqof Galea-Curmi trabba u lill-parroċċa ta’ Marija Annunzjata (Ħal Balzan) fejn ilu jservi għal ħafna snin.

Mons. Scicluna qal li l-paternità tal-Isqof mhix paternità rħisa. Irrefera għal dak li qal San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin dwar kif ir-rakkomandazzjoni tal-bniedem m’għandhiex tkun miktuba fuq karta imma tkun minquxa fil-qalb u tidher fl-ispirtu. L-Arċisqof spjega li “l-għożża u l-imħabba huma l-marki distintivi u karatteristiċi ta’ kull paternità vera.”

Mons. Scicluna qal ukoll li wieħed irid japrezza iżjed is-sejħa tal-Appostlu li jimita lis-Sid u lill-Mulej. L-Arċisqof fisser li l-missjoni tal-Isqof illum hija li jkun sinjal ċar u veru tal-preżenza ta’ Ġesù fost il-poplu.

L-Arċisqof semma l-innu fl-Uffiċċju tal-Qari għall-festi tar-Ragħajja tal-Erwieħ,li jsejjaħ lir-ragħajja li qdew dmirhom kif iridhom il-Mulej bħala Bonus Altor. Altor huwa dak il-missier li jmantni lil uliedu bl-imħabba.

L-omelija sħiħa

L-Isqof il-Ġdid Ibierek lin-Nies

Il-Quddiesa tiġi fi tmiem u l-Isqof il-ġdid jinżel ibierek lin-nies. Fil-messaġġ tiegħu fl-aħħar tal-quddiesa, l-Isqof il-Ġdid jgħid kemm hi importanti li wieħed jgħożż il-ħajja mill-bidu nett tagħha. Qal li huwa importanti li n-nies juru l-imħabba lejn xulxin bil-kliem u bl-azzjonijiet tagħhom.

Il-Bewsa tal-Paċi

Il-bewsa tfisser l-għaqda li teżisti bejn l-Isqfijiet.

L-Għoti ta’ Postu

L-Arċisqof stieden lill-Isqof Elett biex ipoġġi fuq l-ewwel siġġu tal-Isqfijiet konċelebranti.

L-Għoti tal-Insinji Episkopali

L-Isqoff Elett ingħata ċurkett li jesprimi l-fedeltà tiegħu lejn il-Knisja. Ingħata mitra mill-parroċċa ta’ Ħal Balzan li tirrapreżenta l-ħerqa tal-isqof biex jimxi ’l quddiem fit-triq tal-qdusija. Il-baklu ta’ Mons. Joseph Galea-Curmi huwa rigal mill-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara.

It-Tqegħid tal-Idejn

Ir-rit jilħaq il-qofol tiegħu permezz tat-Tqegħid tal-Idejn. Il-ġest tat-tqegħid tal-idejn hu antik ħafna u għandu l-għeruq tiegħu fit-Testment il-Qadim. L-Arċisqof Scicluna ħa l-ktieb tal-Evanġelju u poġġieh fuq ras il-magħżul. L-Isqof il-ġdid imbagħad indilek biż-żejt u ngħata l-ktieb tal-Evanġelju.

Il-Litanija

L-Isqof Elett inxteħet wiċċu fl-art għall-kant tal-Litanija.

Tinqara l-Bolla Appostolika

Inqrat il-Bolla li permezz tagħha l-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Joseph Galea-Curmi bħala l-Isqof Awżiljarju.

Jibda r-Rit tal-Ordinazzjoni

Ir-Rit tal-Ordinazzjoni jibda wara l-qari tal-Evanġelju bil-kant tal-Veni creator. L-isqof-elett, assistit minn żewġ saċerdoti jitwassal quddiem l-Arċisqof u wieħed mis-saċerdoti jitolbu biex jordna lill-Mons. Galea-Curmi bħala Isqof.

Illejla qed issir l-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Elett Mons. Joseph Galea-Curmi.

Il-Quddiesa fil-Katidral tal-Imdina tibda fis-7pm, bl-Ordinant Prinċipali jkun l-Arċisqof Charles Scicluna. L-Arċisqof Alessandro D’Errico, u l-Isqfijiet Pawlu Cremona, Mario Grech, u Paul Darmanin se jkunu preżenti.

Ir-rit tal-Ordinazzjoni tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid jibda wara l-qari tal-Evanġelju. Il-qofol tar-rit tal-Ordinazzjoni jikkonsisti fit-tqegħid tal-idejn u fit-talba tal-konsagrazzjoni.

Għall-ħabta tas-6.40pm l-Arċisqof u l-Isqfijiet l-oħra flimkien mal-Isqof Elett imxew mill-Palazz tal-Arċisqof sal-Katidral tal-Imdina fejn intlaqgħu mill-membri tal-Kapitlu Metropolitan. L-Arċisqof u l-Isqof Elett imxew sal-kappella tas-Santissmu Sagrament għal mument qasir ta’ talb.

Tista’ tisma’ l-quddiesa tal-Ordinazzjoni Episkopali bil-kummentarju fuq RTK 103FM.