Illejla l-finali tal-Miss World Malta; Se tintgħażel it-tfajla li se tirrappreżenta lil Malta fit-Tajlandja

Illejla se tkun qed tiġi organizzata l-24 edizzjoni tal-Miss World Malta bi preżentazzjoni ta’ Keith Demicoli u Sarah Agius.

Is-serata qed tiġi organizzata bħas-soltu minn Modelle International u se tittella’ fi Pjazza Teatru Rjal u se tkun f’xandira diretta fuq ONE fid-9pm.

Il-Kinetic Dance Studio u l-kantant Kurt Calleja huma l-mistiedna tas-serata tal-lejla u r-rebbieħa se tirrappreżenta lil Malta fil-konkors internazzjonali tal-Miss World fit-Tajlandja nhar is-Sibt 19 ta’ Diċembru f’għeluq id-69 anniversarju tal-konkors. Għall-okkażjoni se jingħaqdu eks-rebbieħa minn snin ta’ qabel b’titlu ta’ Miss World.

Ġurija mħallta minn Maltin u barranin se jiġġudikaw il-kontestanti, għalkemm tajjeb li nsemmu li diġa saret l-ewwel parti tal-votazzjoni minn ġurija oħra.

Fl-ewwel fażi tal-punti, il-kontestanti waħda, waħda, sarulhom diversi mistoqsijiet u ngħataw ukoll punti fuq il-figura tagħhom u l-personalità.

Apparti li llejla titħabbar ir-rebbieħa se jkun hemm diversi titli oħra bħal Beauty with a Purpose u Miss Personality.

Wara li jitħabbru r-rebbieħa jibdew il-preparamenti biex jittieħdu r-ritratti li jkunu jistgħu jittellgħu fis-sit diġitali tal-Miss World fejn jingħaqdu mal-kontestanti l-oħra.

Is-sena l-oħra Maria Ellul kienet rebħet it-titlu ta’ Miss World Malta meta l-konkors innifsu tal-Miss World kien sar f’Sanya, fiċ-Ċina li kien intrebaħ minn Vanessa Ponce, l-ewwel Messikana li rebħet it-titlu.