Ritratti: Il-Via Sacra mmexxija mill-Arċisqof fil-Furjana

Curia – church.mt/photos

Illum l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-Via Sacra Djoċesana fil-Furjana.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-Via Sacra se titmexxa wkoll mill-Ariċisqof Emeritu Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.

Il-Via Sacra bdiet fis-7 pm quddiem l-istatwa ta’ Kristu Re u ntemmet quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

It-test li nqara huwa adattament tal-Via Sacra li l-Papa Franġisku mexxa s-sena l-oħra fil-Kolossew, f’Ruma, fil-Ġimgħa l-Kbira,

Fi tmiem il-Via Saca, l-Arċisqof bierek in-nies bir-relikwa tas-Salib Imqaddes, waħda mill-aktar relikwi importanti tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna stieden lill-Insara biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l-Knisja Kattolika tfakkar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Għada f’Ħamis ix-Xirka, fid-9.15am, l-Arċisqof se jiċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma li matulha, flimkien mal-Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni tagħhom.

Filgħaxija, fis-6pm, issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Matul din il-Quddiesa, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, l-Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il-Quddiesa l-Arċisqof iwassal is-Sagrament Imqaddes fil-Kappella tar-Ripożizzjoni għall-qima tal-Insara.
F’Ħadd il-Għid, fl-10.30am, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.