Illejla l-aħħar Game of Thrones; Jibda x-xogħol fuq Bloodmoon

L-aħħar puntata ta' Game of Thrones tixxandar illejla

Jidher b’mod ċar li madwar id-dinja hemm stennija kbira għall-aħħar puntata ta’ Game of Thrones tal-lejla, u l-istess entużjażmu jissarraf ukoll f’dieqa fost il-fans kollha tas-sensiela għax din il-puntata hija dik li tagħlaq għal kollox logħba li ilha għaddejja tmien snin, b’kollox għal 72 puntata li xxandru bejn l-2011 u l-2019.

Game of Thrones kienet suċċess kbir tant li għandha rekord ta’ unuri fosthom 47 Primetime Emmy Award, l-Oscar tat-televiżjoni Amerikana.

Iżda hekk kif qed tagħlaq logħba, oħra se tkun qed tibda u fil-fatt f’Belfast diġa beda x-xogħol fuq Bloodmoon. Dan għalissa se jkun episodju pilota li jekk jintlaqa’ tajjeb, jiġi żviluppat f’serje televiżiva.

Bloodmoon hu biss wieħed minn bosta spin offs li qed jiġu żviluppati mis-serje ta’ Game of Thrones.

L-attriċi Ingliża Naomi Watts, li kienet darbtejn nominata għal Oscar, u li hi magħrufa għal films bħal Mulholland Drive, King Kong, 21 Grams u għas-sehem fil-puntati l-ġodda ta’ Twin Peaks, se tkun il-protagonista tal-kapitlu li jmiss, li se jkun ambjentata 5,000 sena qabel il-ġrajja li konna qed insegwu f’dawn l-aħħar tmien snin.

Watts mhux se tkun l-unika artista ta’ fama internazzjonali li se tkun fil-kast tas-serje li għalissa qed tissejjaħ Bloodmoon. Skont rapporti li ħarġu, hemm bosta atturi oħra kkonfermati, bħal Miranda Richardson (Harry Potter), Josh Whitehouse (Poldark), Naomi Ackie, Jamie Campbell Bower (Twilight, Fantastic Beasts: The Crimes of Grindelwald), Ivanno Jeremiah (Humans, Black Mirror), Toby Regbo (Reign) u Georgie Henley (The Chronicles of Narnia).