Illejla: Kurżitajiet dwar is-sensiela Għeruq

Id-disa’ programm mis-sensiela Teleserje ppreżentat minn Stephanie Chircop se jixxandar illejla fid-9pm fuq l-istazzjon Net u se jkun qed jitratta s-soap opera Maltija Għeruq, li tagħha bħalissa qed isiru r-ripetizzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa fuq l-istess stazzjon.

Stephanie Chircop se tkun qed tilqa’ erba’ mistiedna, lill-awtur Joe Gatt, li kien ħadem ukoll f’din is-sensiela, lill-producer ta’ din is-sensiela Hermann Bonaci, kif ukoll tnejn mill-atturi l-oħra li taw sehimhom, Peter Borg u Simon Curmi.

Is-sensiela Għeruq kienet ħarġet minn dramm ta’ tliet atti li Joe kiteb bosta snin ilu bl-isem ta’ U Għebet il-Hena. Dan kien dramm li tratta l-ġlieda bejn il-progress u t-tradizzjoni. Bħal f’Għeruq Joe Gatt jurina kemm hu sabiħ il-progress, iżda jekk ma tkunx ippreparat għalih, jista’ jfarrkek.

Waqt dan il-programm tal-lejla se jixxandru bosta siltiet minn din is-sensiela filwaqt li l-mistiedna ta’ Stephanie mhux biss se jġeddu l-memorji ta’ din is-sensiela, iżda se jiżvelaw bosta kurżitajiet interessanti li forsi mhux kulħadd ikun jafhom.