Illejla jsiru l-funzjonijiet tal-Vġili tal-Għid

Illejla jsiru l-funzjonijiet tal-Vġili tal-Għid u wara l-Quddiesa tal-Glorja li tfakkar il-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu – l-akbar festa tal-knisja kattolika.

 

Matul iċ-ċerimonja tal-Vġili tal-Għid isir it-tberik tan-Nar ġdid, il-mixgħela tal-Blandun, u t-tberik tal-ilma li jintuża għal magħmudijiet ta’matul is-sena.

 

Matul il-quddiesa tal-Glorja, barra li jinxtegħlu d-dwal fil-Knisja, terġa’ titkanta l-Glorja wara li kienet ilha ma titkanta mill-bidu tar-Randan u titkanta wkoll l-Alleluia li hija s-sinjal ta’ Ferħ għaliex Kristu qam mill-mewt.  F’għadd ta’ parroċċi u knejjes isiru xi magħmudijiet.

 

L-Arċisqof Pawlu Cremona fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fil-Knisja Katirali f’Victoria, illejla se jmexxu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tberik tan-nar, ta’ l-ilma tal-magħmudija, jinxtegħel ukoll il-blandun waqt li ssir it-tħabbira ta’ l-Għid il-Kbir.

 

Sadanittant, ilbieraħ tfakkru l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.   Eluf ta’ nies attendew għal diversi purċissjonijiet li saru f’sittax-il parroċċa f’Malta u Għawdex.

 

Il-Purċissjonijiet f’Malta saru fil-Belt, fir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi San Ġorġ, Mosta, Naxxar, Żejtun, Ħal Luqa, Raħal il-Ġdid, Birgu, Bormla u l-Isla.  

 

Il-Purċissjonijiet f’Għawdex saru r-Rabat San Ġorg, Nadur, Xagħra u Żebbuġ.  

 

Aktar qabel fiċ-ċerimonji li saru fil-Knejjes sar il-Qari tar-rakkont tal-passjoni skont San Ġwann u wara saret l-adorazzjoni tas-Salib.  Iċ-ċerimonja ntemmet bit-tqassim tal-ewkaristija.