Ivvutaw aktar minn nofs il-Kunsilliera tal-PN

Aġġornat 10:39 AM

Read in English.

Bħalissa qed jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li fih il-Kunsilliera jridu jivvutaw x’se jiġri mill-kwistjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li llum ivvutaw 376 Kunsillier (23.06%). Dawn jingħaqdu mal-484 Kunsillier li diġà vvutaw fil-votazzjoni bikrija li saret l-Erbgħa li għaddiet. B’kollox sal-lum ivvutaw 860 Kunsillier jew 52.76% tal-Kunsilliera eleġibbli li jivvutaw li jammontaw għal 1,630.

Il-Kunsill Ġenerali straordinarju se jkompli għada s-Sibt bil-votazzjoni tkompli bejn it-8am u s-6pm fid-Dar Ċentrali f’Malta u bejn id-9am u l-4pm fis-sub headquarters f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

Dan wara li Delia tilef żewġ voti ta’ fiduċja, wieħed fil-Grupp Parlamentari tal-PN u l-ieħor fost il-Kumitat Eżekuttiv.

Ivvutaw ukoll il-membri tat-tmexxija tal-PN inkluż il-Kap Adrian Delia, is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech u ż-żewġ Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo.

Stħarriġ li sar mill-MISCO juri li għalkemm Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għadu diffiċli li wieħed jgħid x’jista’ jiġri. 

Il-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-PN li jrid kap ġdid qal li l-Kunsilliera se jagħżlu bejn il-kontinwità ta’ dak li raw matul l-aħħar tliet snin u bidu ta’ paġna ġdida b’elezzjoni bejn diversi persuni. Dawn id-19-il deputat qalu dan fi stqarrija li fiha qalu li l-proċess li għaddej minnu l-partit mhux wieħed faċli.

Intant l-hekk imsejjaħ grupp tal-Vuċi tat-Tesserati qal li l-Kunsilliera għandhom iċ-ċans jikkonfermaw il-“ħidma kbira” li saret tul l-aħħar tliet snin tat-tmexxija ta’ Adrian Delia.

Il-votazzjoni tal-lejla se ssir bejn is-6pm u t-8pm, u mbagħad tkompli għada bejn it-8am u s-6pm fid-Dar Ċentrali u bejn id-9am u l-4pm f’Ta’ Sannat.

Is-sit tal-PN NET News irrapporta li minħabba l-linji gwida b’rabta mal-imxija tal-coronavirus, il-Kunsill Ġenerali se jsir mingħajr nies preżenti fis-sala, u l-udjenza minflok mitluba ssegwi minn fuq NET TV, NET FM jew fuq il-paġna ta’ Facebook tal-PN. Delia mistenni jagħmel diskors fis-6.30pm.