Illejla jkompli l-festival tan-nar fl-Imqabba

MTCP

Illejla se jkun qiegħed jitkompla d-19-il edizzjoni tal-festival tan-nar bis-sehem ta’ aktar kmamar tan-nar Maltin. Il-gran finale se ssir il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu fil-Port il-Kbir.

It-Tnejn li għadda sar it-tieni spettaklu ta’ nar li fiha s-smewwiet Maltin ingħataw dehra kulurita minn spettaklu ma jaqta’ xejn ta’ wħud mill-aqwa xogħol pirotekniku Malti u barrani. L-ispettaklu tat-Tnejn li għadda ttella’ mill-bypass tal-Imqabba. Il-post intgħażel minħabba li l-folla li attendiet setgħet tinfirex tul it-triq apparti li seta’ jiġi segwit minn diversi lokalitajiet oħra.

MTCP

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fid-diskors tal-okkażjoni qalet li l-logħob tan-nar u l-festi huma niċċa partikolari fit-turiżmu. Żiedet li wieħed għandu jimxi ‘l quddiem biex jegħleb il-konsegwenzi li ġabet magħha l-pandemija iżda wkoll li t-tradizzjonijiet kulturali tal-ibliet u l-irħula jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom.

Fis-sessjoni tat-Tnejn li għadda, fuq livell kompetittiv, ipparteċipaw il-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal Saflini, ta’ Ħal Luqa u Phoenix Factory mir-Renju Unit. Is-sehem kompetittiv kien akkumpanjat minn wirjiet tradizzjonali ta’ logħob tan-nar minn 14-il kamra tan-nar u assoċċjazzjonijiet lokali. Dawn kienu l-Kamra tan-Nar Lourdes tal-Qrendi; il-Kamra tan-Nar Santa Marija, Mqabba; il-Kamra tan-Nar San Bastjan, Ħal Qormi; il-Kamra tan-Nar Santa Marija, Mosta; il-Kamra tan-Nar San Filep, Ħaż-Żebbuġ; il-Kamra tan-Nar Monte Karmeli, Żurrieq; Kumpless tan-Nar Santa Marija, Mġarr; Għaqda tan-Nar Maria Bambina, Mellieħa; Kamra tan-Nar San Nikola, Siġġiewi; Kamra tan-Nar San Mikiel, Ħal Lija; Kamra tan-Nar Santa Katerina, Żurrieq; Kummissjoni tan-Nar fi ħdan l-Għaqda Mużikali Beland Żejtun; Kummissjoni Piroteknika Sta. Katerina VM fi ħdan Banda Żejtun, Żejtun u Kamra tan-Nar Santa Marija, Ħal Għaxaq.

MTCP

Id-19-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tan-Nar ingħata bidu l-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju, mix-Xagħra Għawdex, fejn fuq livell kompetittiv ipparteċipaw tliet kumplessi barranin, dak Svizzeru La Pirotecnica Sagl; CSP Pyrotechnique ta’ Franza u l-kumpless Taljan Polleggi Pyrotecnics b’akkumpanjament minn sitt kmamar u assoċjazzjonijiet tan-nar Għawdxin, Għaqda Għoxrin ta’ Lulju, Sannat; Għaqda tan-Nar Santa Marija, Żebbuġ; Għaqda tan-Nar Fontana; Qalb ta’ Ġesu Fontana Brothers Fireworks Factory, Fontana; Ħmistax ta’ Awwissu Fireworks Factory, Sannat u Sezzjoni Nar San Pawl, Munxar.

MTCP

Il-parteċipazzjoni barranija fuq livell kompetittiv tikkonsisti minn sitt kumplessi tan-nar li ġejjin mir-Renju Unit, l-Iżvizzera, l-Italja (tnejn), Franza u l-Ukrajna. Il-parteċipazzjoni lokali f’dan il-livell huwa l-Post tan-Nar Sant’Andrija, Ħal Saflini, Ħal Luqa.