Illejla jitfakkar Lucio Battisti

Illejla Rai Uno se jkun qed ixandar it-tielet programm mis-sensiela Una Storia da Cantare li qed tfakkar kantawturi Taljani. Fl-edizzjoni li jmiss se jkun qed jitfakkar Lucio Battisti.

Il-programm li jkun f’xandira diretta mid-9.25pm ‘il quddiem bi preżentazzjoni ta’ Enrico Ruggieri u Bianca Guaccero se jkun qed jilqa’ bosta personalitajiet li għandhom xi storja jew memorja dwar Lucio Battisti biex jaqsmu mat-telespettaturi.

Dawn jinkludu lil Mogol li għal ħafna snin ħadem qrib Battisti biex ħolqu wħud mill-kanzunetta li baqgħu popolari sal-lum fl-istorja tal-mużika Taljana, fosthom Mi ritorni in mente, Acqua Azzurra Acqua Chiara, Anna, Non è Francesca, La Collina dei ciliegi, Emozioni u Un’avventura.

Fl-istudjo se jkun hemm ukoll Patty Pravo li kienet interpretat bosta kanzunetti li Battisti kien kiteb għaliha.

Maurizio Vendelli, membru tal-grupp Equipe 84 se jkun qiegħed jitkellem dwar is-silta 29 settembre li kienet ħarġet fl-1966 u li kienet b’lirika u mużika tal-istess Battisti.

Biex jinterpretaw uħud mis-siltiet popolari ta’ Battisti llejla se naraw lil Edoardo Bennato, Roberto Vecchioni, Fausto Leali, Shel Shapiro, Luca Barbarosssa, Arisa, Le Vibrazioni u Nicky Nicolai.

Lucio Battisti twieled nhar il-5 ta’ Marzu 1943 u miet nhar id-9 ta’ Settembru 1998.