Illejla jitfakkar l-aħħar teleserje ta’ Lino Grech

Illejla fuq l-istazzjon Net fid-9pm Stephanie Chircop se tkun qed tippreżental-aħħar programm mis-sensiela Teleserje.

L-aħħar teleserje li se tiġi trattata f’dan l-ewwel staġun hija Vittmi, li xxandret fuq dan l-istazzjon f’April tal-2016.

Din il-produzzjoni hija mniżżla fl-istorja kulturali Maltija bħala l-aħħar teleserje li ħarġet mill-pinna tal-mibki Lino Grech.

Vittmi kienet ko-produzzjoni bejn l-istazzjon Net, Daniel Borg Carbot u Fabian Scerri De Carlo, li b’esperjenza f’dan il-qasam ġew fdati mill-istess awtur sabiex jipproduċu dan l-aħħar xogħol tiegħu.

Għalhekk bix-xieraq li l-mistednin ta’ Stephanie Chircop ikunu proprju Daniel Borg Carbott u Fabian Scerri De Carlo li se jaqsmu xi ħsibijiet, memorji u kurżitajiet dwar din is-sensiela kontroversjali li kienet tiffoka fuq il-problemi li l-karattri Emma u Aldo kellhom fil-ħajja miżżewwġa tagħhom.

Is-sitwazzjoni tkompli tiggrava u l-intensità tal-problemi jibdew jinħassu mhux mill-koppja biss iżda minn dawk kollha li jmissu magħhom, bħal uliedhom, il-membri l-oħra tal-familja, kollegi tax-xogħol, u ħbieb.

Illejla nassistu wkoll għal bosta filmati partikolari minn din is-sensiela li żgur se jqanqlu ħafna memorji.