Illejla jitfakkar George Micallef

Wara li dalgħodu tħabbret il-mewt tal-attur George Micallef fl-età ta’ 76 sena, l-istazzjon nazzjonali TVM ħabbar bdil fl-iskeda tiegħu. Infatti llejla fuq TVM2 fis-7.30pm se jkun qed isellem lil dan l-attur billi jerġa’ jxandar l-edizzjoni tal-programm Teledrammi – Nostalġija u Tifkiriet li kienet titratta s-sensiela ferm popolari ta’ Fredu l-Fra, li fiha Micallef kellu l-parti ewlenija.

George Micallef bħala Fredu l-Fra

George Micallef kien twieled fis-27 ta’ Diċembru 1943 u tul is-snin ħa sehem f’numru kbir ta’ produzzjonijiet teatrali u televiżivi.

Ħafna atturi llum rrikorrew fuq il-midja soċjali biex isellu l-memorja ta’ dan l-attur li kien ukoll il-fundatur tal-kumpanija Valletta Dramatic Company li permezz tagħha kienet ittellgħet l-ewwel operetta bil-Malti, Iċ-Ċinċilla.

Ritratt: Facebook/MarioMicallef

Intant il-funeral ta’ George Micallef se jsir nhar l-Erbgħa 5 ta’ Frar fil-Knisja ta’ San Pawl, il-Belt, fis-2pm.

Kondoljanzi lill-familja Micallef.