Illejla jiftaħ il-bagalja

L-istennija tal-lum hi fuq kollox għall-baġit, hekk kif illejla fis-6.30pm il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, jippreżenta l-pjan ekonomiku tal-Gvern għas-sena li ġejja.
Ikun għall-ħabta tal-5.05pm xħin il-Ministru jasal il-Palazz tal-President il-Belt Valletta, fejn ikollu laqgħa privata mal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca.
Imbagħad fil-5.25pm, il-Ministru jiltaqa’ mal-Ispiker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, u flimkien jerħulha għas-Sala tal-Ambaxxati.
Imbagħad il-Ministru għall-Finanzi jippreżenta kopja tal-baġit lill-President ta’ Malta.
Għall-ħabta tas-5.45pm, il-Ministru jasal fil-Kamra tar-Rappreżentanti, u jintlaqa’ mill-Ispiker u s-Segretarju tal-Kamra.
Fis-6.30pm, Edward Scicluna jaqra l-Baġit 2018 liż-żewġ naħat tal-kamra.
Newsbook u RTK 103FM se jħejju programm speċjali mxandar b’mod awdjo-viżiv minn fuq is-sit Newsbook.com.mt jew minn fuq il-paġna tal-Facebook ta’ Newsbook.
L-għan ewlieni tal-programm hu li l-baġit jitwassal għand in-nies b’mod korrett iżda b’mod li jifhmu kulħadd.