Illejla jibdew il-EuroGames

Ritratt: Mediaset

Il-programm popolari Giochi Senza Frontiere jirritorna llejla fuq l-istazzjon Taljan tal-Mediaset, il-Canale 5, li xtara d-drittijiet tal-format tal-programm li l-aħħar li kien sar kien fuq ir-RAI fl-1999.

B’kollox l-Italja kienet ħadet sehem f’xejn inqas minn 30 edizzjoni tal-Giochi Senza Frontiere, u rebħet 4 minnhom.

Il-programm hu bbażat fuq il-format ta’ Jeux Sans Frontières li kien beda fi Franza fl-1962. Malta kienet ukoll ipparteċipat f’dan il-programm bejn l-1994 u l-1995.

Din id-darba però se jkun jismu EuroGames u se jkun qiegħed jixxandar għall-ħabta tad-9.20pm.

Ilary Blasi u Alvin se jkunu qed imexxu dan il-programm li se jdum għaddej sitt ġimgħat u fih se jkunu qed jipparteċipaw sitt pajjiżi.

EuroGames se jkunu qed jittellgħu f’Cinecittà World u b’kollox għal din l-ewwel edizzjoni hemm sitt pajjiżi li qed jieħdu sehem: l-Italja, il-Greċja, Spanja, il-Polonja, il-Ġermanja u r-Russja.

Dan il-programm mistenni jibqa’ għaddej għal sitt ġimgħat konsekuttivi.