Illejla jibda Sanremo

Ritratt: Uffiċċju stampa RAI

Is-70 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo se jibda llejla fuq Rai Uno b’xandira diretta mit-teatru Ariston fid-8.40pm. Se jkun qed jitmexxa minn Amadeus.

Illejla jieħdu sehem 12 mill-kantanti l-kbar filwaqt li 12 oħra se jieħdu sehem għada l-Erbgħa meta tixxandar it-tieni serata, dejjem fl-istess ħin. Il-festival jibqa’ għaddej sas-Sibt 8 ta’ Frar.

Achille Lauro, Anastasio, Bugo e Morgan, Diodato, Elodie, Irene Grandi, Raphael Gualazzi, Marco Masini, Rita Pavone, Riki, Le Vibrazioni u Alberto Urso huma dawk li se jkunu qed jikkompetu f’din l-ewwel serata.

Tibda wkoll il-kompetizzjoni fil-kategorija ta’ Nuove Proposte fejn se naraw 4 minn dawk li daħlu għal din il-fażi. Tnejn minnhom jiġu eliminati filwaqt li tnejn oħra jgħaddu b’mod dirett għas-semifinali ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Frar.

Eugenio In Via Di Gioia, Fadi, Leo Gassmann u Tecla Insolia huma l-parteċipanti f’din il-kategorija għas-serata tal-lejla.

Għal din is-serata hemm stennija għal Al Bano u Romina Power li bħala mistednin se jkunu qed jippreżentaw silta ġdid. Mistiedna wkoll hemm Fiorello u Tiziano Ferro kif ukoll Pier Francesco Favino, Kim Rossi Stuart, Claudio Santamaria u Emma Marrone li se tkun qed tinterpreta xi siltiet mill-album tagħha Fortuna.

Il-festival mistenni li jibqa’ għaddej sas-00.45am.