Illejla: Isqof Awżiljarju ġdid għal Malta

knisja.org/mt

Illejla fil-Katidral tal-Imdina Mons. Joseph Galea-Curmi se jiġi ordnat bħala l-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta. Il-Quddiesa tal-ordinazzjoni episkopali, se tibda fis-7pm u se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna. L-Isqof Elett stieden lill-pubbliku għall-ordinazzjoni episkopali tiegħu.

“Għożżu l-ħajja bl-imħabba”

F’messaġġ qasir li l-Isqof Elett għamel fl-aħħar tal-velja  ta’ talb fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, fejn trabba u għex, qal li kellu sena meta tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja fejn saret il-velja. Żied jgħid li mill-komunità ta’ San Ġużepp Ħaddiem tgħallem ikompli jgħix il-valuri li ħa mill-familja tiegħu; valuri insara li awgura li kulħadd jgħix.

Huwa rringrazzja wkoll lill-parruċċani tar-rigal tal-baklu li tawh. L-Isqof Elett Galea-Curmi mbagħad stieden lil kulhadd biex jgħix il-motto li huwa għażel għall-episkopat tiegħu jiġifieri li ngħożżu l-ħajja b’imħabba.

Waqt il-velja, l-Isqof Elett għamel l-istqarrija tal-fidi, ħa l-ġurament tal-fedeltà u tbierku l-baklu, il-mitra u ċ-ċurkett, li se jintużaw waqt l-ordinazzjoni llejla.

X’se jiġri llejla?

6.40pm      L-Arċisqof u l-Isqfijiet l-oħra flimkien mal-Isqof Elett jimxu mill-Palazz tal-Arċisqof sal-Katidral tal-Imdina fejn jiġu milqugħa mill-membri tal-Kapitlu Metropolitan. L-Arċisqof u l-Isqof Elett jimxu sal-kappella tas-Santissmu Sagrament għal mument qasir ta’ talb.

7.00pm      Tibda l-Quddiesa tal-Ordinazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Scicluna. L-Isqfijiet Koordinanti huma l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech. Il-Quddiesa se tixxandar LIVE fuq Newsbook.com.mt u fuq RTK 103FM.

It-tħabbira uffiċjali tal-ħatra tiegħu mill-Papa Franġisku saret fit-23 ta’ Ġunju li għadda, f’konferenza tal-aħbarijiet min-Nunzju Appostoliku, l-Arċisqof Alessandro d’Errico fil-Palazz tal-Arċisqof fl-Imdina. Dakinhar ma’ Newsbook.com.mt, Mons. Galea-Curmi qal li hu se jkun qed jgħin lill-Arċisqof fil-ħidma tiegħu, u li l-ħidma pastorali tiegħu se tkun iffukata biex jiltaqa’ mal-komunitajiet differenti f’Malta.

F’intervista twila li saret minn Fr Joe Borg, Mons. Galea Curmi tkellem fost l-oħrajn dwar ir-refuġjati f’Ħal Balzan li jinsisti li ma ħallewx impatt negattiv fuq il-komunità.

Newsbook.com.mt ilbieraħ tkellem ma’ wieħed min-neputijiet tal-Isqof Elett. Ġanni ddeskrivieh bħala “ċajtier u ġeneruż”. Semma wkoll kif darba f’ġimgħa n-neputijiet imorru għandu biex isajru jew jagħmlu xi ħaġa oħra flimkien.