Illejla: Il-finali ta’ Miss Italia

Ritratt: Uffiċju Stampa RAI

Rai Uno llejla se jkun qed iwassal xandira diretta tat-80 edizzjoni tal-konkors Miss Italia. Ix-xandira se ssir minn Jesolo mid-9.25pm ‘il quddiem.

Alessandro Greco se jkun qed imexxi dan il-konkors li qed jittella’ minn Patrizia Mirigliani u li jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Carlotta Maggiorana, ir-rebbieħa fl-edizzjoni tas-sena l-oħra.

Għall-istazzjon Rai, dan il-konkors ifisser ritorn wara li fl-aħħar snin kien tilef id-drittijiet li jxandaru, u minflok intwera fuq l-istazzjon La7.

80 tfajla llejla se tkun qed tikkompeti f’dan il-konkors u l-eliminazzjoni ssir permezz tal-vot tal-pubbliku li fl-ewwel fażi tniżżel il-parteċipanti għal 40.

Fit-tieni fażi jiġu eliminati 20 oħra u wara 10, sakemm finalment issir eliminazzjoni fejn jispiċċaw żewġ tfajliet biss.

Ikun hawnhekk li l-ġurija iddaħħal lura fil-kompetizzjoni waħda mit-tfajliet li ġew eliminati biex waħda mit-tlett finalisti tiret il-kuruna mingħand Carlotta Maggiorana.

Ir-rebbieħa tkun qed tirbaħ id-dritt li tirrappreżenta lill-Italja fil-konkors tal-Miss World, li fih Malta se tkun rappreżentata minn Nicole Vella.

AQRA: Il-finali ta’ Miss World se ssir f’Londra