Illejla: Il-buffu se jidher għall-ewwel darba f’Iż-Żagħka

Illejla fuq l-istazzjon Net fil-ħin tad-8.45pm mistennija tkompli s-sensiela Iż-Żagħka, mwassla għalikom b’uħud mill-aħjar atturi ta’ Malta.

Illum jiġi żvelat sigriet li l-AC Vivienne Xerri ilha żżomm ġo fiha żmien u li se toħorġu issa, wara l-mewt ta’ missierha.

L-interess fl-istorja jkompli jiżvolġi, hekk kif il-ġimgħa l-oħra sirna nafu b’omm Sina, kif se tispiċċa Sina? Se ssalvaha t-tarbija? Jodie se teħlisha ħafif?

Illejla se jidher l-ewwel darba l-buffu!

Catherine Bonello u James – dawn it-tnejn illejla se narawhom f’xeni jaħarqu u mill-ġdid l-AC f’konfront personali mal-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-produtturi ta’ Iż-Żagħka wkoll qasmu sigriet magħna. Xi ħaġa li sinċerament ma bsarnihiex! Desier Debono, l-awtur u li flimkien ma’ Melanie-Jo Mangani jipproduċu u jidderieġu din id-drama, jgħid li parti mill-istorja ta’ Iż-Żagħka hija mibnija fuq il-verità u fatti li għexu membri tal-familja tiegħu fi snin mgħoddija.

”In-nanna kienet tirrakkontali kif mit-twejqa tad-dar tagħhom kienet tosserva ħajja mħarbta fil-privat.” Kollox huma jagħmlu, mill-binja tal-istorja u l-iskript sal-assistenza fl-editjar tal-episodju.

“L-inqas prop naħsbu għalija aħna. Aħna ħadd minna ma jsuq, jiġifieri jew kullimkien bil-karozza tal-linja, jew inkella nsibu xi anġlu jgħaddi għalina. Min jaf kemm ġarrejna basktijiet bil-props u l-affarijiet li għandna bżonn għall-filming” – Desier.

“Is-sodda ta’ Sina ġibniha mill-Mellieħa għall-Belt, per eżempju; u minn location waħda bi ftit kreattività, noħolqu ġieli tlieta….” – Melanie

“Ommi tħitli li jkolli bżonn, meta ma nkunx nista’ nsib xi ħaġa. L-uniformi tal-majjistra hi għamlithielna… U missieri jagħmilli props partikulari…. Dejjem jara x’se jivvinta.” – Desier