Illejla diskussjoni taħraq dwar il-power station

Is-seduta parlamentari tal-lejla se tkun iddominata mid-diskussjoni dwar il-bini ta’ power station ġdida f’Delimara.
Id-dibattitu mistenni jkun iffukat dwar il-futur tal-Korporazzjoni Enemalta, kull kuntratt li sar dwar l-enerġija, dwar ix-xiri tal-elettriku u dwar meta se tkun lesta l-power station.
Kienet l-Oppożizzjoni li bħal-lum ġimgħa ppreżentat mozzjoni lill-ispeaker tal-Kamra dwar x’inhuma l-aħħar żviluppi u l-pjani tal-Gvern b’rabta mal-bini ta’ power station sa Marzu 2015.
Dan wara t-tħabbira li l-power station mhux se tkun lesta kif imwiegħda sa Marzu li ġej.
L-Oppożizzjoni qed tiddeskrivi l-aġir tal-Gvern bħala wieħed “nieqes għal kollox mit-trasparenza u l-kontabilità” u qed tinsisti li ssir diskussjoni dwar id-dati li fihom mistenni jibda u jispiċċa l-proġett.
Id-diskussjoni tal-lejla se ssir minflok l-istqarrija ministerjali li l-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi kien bi ħsiebu jagħmel nhar l-Erbgħa li għadda.