“Illejla Christine se torqod waħedha; it-tama u l-imħabba għal dejjem”

Illum fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex sar il-funeral ta’ Christine Gauci, it-tfajla li tilfet ħajjitha traġikament nhar is-Sibt li għadda f’Imġarr ix-Xini.

Fl-omelija, l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex Fr Joseph Curmi qal li “Illejla Christine se torqod waħedha, kull ma jibqa’ it-tama, il-fidi, l-imħabba u dawn jibqgħu għal dejjem,” Huwa ħeġġeġ lil dawk li ilhom ma jersqu lejn il-Knisja biex jerġgħu jippruvaw jersqu lejn Alla u jitlobu maħfra lil Alla, lill-irġiel u n-nisa u lill-familja.

Fr Joseph Curmi qal li ma’ Christine se tkun qed tindifen esperjenza individwali imma wkoll rċevew rigal kulħadd fil-mod tiegħu.

Huwa kkwota s-Salm 139 li jgħid:

Mulej fejn nista’ jien naħrab u l-ispirtu tiegħek ma jkunx hemm

Jekk nitla’ fil-għoli jkun hemm inti,

jekk nimted fil-qiegħ tal-art int hemm ukoll

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ lilek se nsibek

U jekk immur f’qiegħ il-baħar int hemm ukoll

Żied li l-aħħar vers tas-salm tfakkru li fl-aħħar mumenti ta’ Christine ma kinux barra mill-grazzja t’Alla għax Alla jilħaq lil kulħadd biex jurih imħabbtu.

Fr Curmi spjega li ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Christine tgħinna nħarsu lejn il-futur pożittiv minkejja li wieħed jista’ jkollu passat ikrah mimli weġgħat, iżda l-bidla għandha tkun għall-imħabba.

Żied li meta kien jitkellem ma’ Christine, hija kienet tħeġġu bil-kliem tagħha u kienet tgħidlu biex ikompli fil-ħidma tiegħu maż-żgħar u ż-żgħażagħ. Huwa spejga li hija kienet tieħu pjaċir tara liż-żgħażagħ miġburin fi gruppi.   

Huwa għamel referenza għas-sensi li erbgħa minnhom jinsabu fil-wiċċ: il-widnejn, l-għajnejn, ix-xamm u t-togħma u dawn kollha għandhom jimbuttaw lill-individwu biex jinduna li jeżisti s-sens l-ieħor. Ħafna drabi wieħed jitfa’ mera u  jiffissa li mhux sabiħ, li mhux kapaċi, li mhux biżżejjed, li mhux importanti u nitilfu s-sens. Huwa appella biex is-sabiħ jinstab f’dawk li wieħed iħobb, u l-kuntentizza għandha tiġi mill-kuntentizza tagħhom u wieħed ma jintilifx fix-xogħol u fl-estetika.

L-Arċipriet għalaq billi ta parir biex min għadu qed ifittex it-triq u forsi t-triq tagħhom kienet imkissra ma jħallix il-passat jiddetermina l-futur.