“Lest nagħmel l-investigazzjonijiet li hemm bżonn” – Caruana Carabez

Aġġornat 04:46 PM

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez qal li huwa illegali li jkun hemm liġi li żżomm lit-tfal milli jattendu l-iskola.

Fi stqarrija qasira li ħareġ, Caruana Carabez qal li qamet sitwazzjoni fejn it-tfal qed jinżammu milli jieħdu l-edukazzjoni fuq bażi politika u finanzjarja. Sostna li “l-ebda liġi m’għandha ċċaħħad l-umanità tal-edukazzjoni għax dan iwassal għal ħsara kbira.” Żied jgħid li kull liġi li tagħmel dan hija awtomatikament illegali.

Huwa appella lill-Gvern biex jintervjeni sabiex isewwi din is-sitwazzjoni.

F’intervista ma’ Jesmond Saliba fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103, Caruana Carabez qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-uffiċċju tiegħu jaġixxu bħala l-kuxjenza tal-Gvern, u b’hekk ħass il-bżonn li jsemma’ leħnu fuq is-sitwazzjoni, peress li ma jħossx li hu sew li t-tfal ma jkollhomx għażla f’dak li jsir minnhom f’din is-sitwazzjoni.

Qal li dan hu r-riżultat tas-sitwazzjoni politika u burokratika li evolviet u li fil-proċess, kreat sitwazzjoni li t-tfal jispiċċaw vittmi tagħha. Skontu, aktar minn illegali, din is-sitwazzjoni hi illeġittima.

Spjega li s’issa m’hemm l-ebda investigazzjoni fuq il-każ peress li ma saritx talba formali, imma insista li hu lest jagħmel l-investigazzjonijiet u jagħti r-rakkomandazzjonijiet kollha li hemm bżonn.

Dan wara r-rapport maħruġ ilbieraħ mit-Times of Malta li jgħid li numru ta’ tfal li mhumiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea ma setgħux jattendu skola tal-Gvern minħabba d-diffikultajiet li ffaċċjaw il-ġenituri tagħhom biex jiksbu permess ta’ residenza għal uliedhom. Il-ġurnal irrapporta li tal-anqas 12-il tifel u tifla tilfu l-ewwel tliet xhur tas-sena skolastika.