Ilkoll kemm aħna responsabbli għall-faqar li hawn

Mons. Eduardo Eliseo Martin, Isqof ta' Rosario, fl-Arġentina, meta sar magħruf ir-riżultat ta' stħarriġ li sar fil-pajjiż li sab li 60% taż-żgħażagħ taħt it-18-il sena qed jgħixu fil-faqar, sostna li lkoll kemm aħna responsabbli għal dan u mhux biss fl-Arġentina imma għall-faqar li jeżisti madwar id-dinja.
L-Isqof qal li hu ċar li din is-sitwazzjoni mhux se tkun solvuta malajr. B'mod jew ieħor aħna lkoll responsabbli. Avolja ilna ngħixu f'demokrazija għal 30 sena – li hi kisba kbira – xorta waħda għad irridu nsolvu l-problema tal-inugwaljanza. Ma nistgħux nibqgħu neżlin aktar l-isfel.
Skont l-istħarrioġ li sar mill-Universita Kattolika Arġentina, 7.6 miljun tifel u adoloxxenti fil-pajjiż għandhom nuqqasijiet kbrar. L-aktar indikaturi allarmanti huma dawk li jkellu l-aċċess għad-djar u s-servizzi tas-saħħa li għandhom nuqqas ta' 25.2% u 22.7% rispettivament. 15.4% tat-tfal ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni filwaqt li 8.7% anqas għandhom ikel adegwat.
L-Arċisqof Marin qal li l-Knisja fl-Arġentina ilha tgħid, f'diversi dokumenti publikati li hemm bżonn serju għal responsabbilta' soċjali. “Nixtieq ngħid lill-mexxejja tal-pajjiż biex ikunu aktar umli u jqisu l-ħtiġijiet tal-poplu kollu kemm hu u speċjalment ta' dawk l-aktar fil-bżonn”, qal Mons Martin.
Sadattant, fil-bidu ta' dan ix-xahar il-Knisja fl-Arġentina fakkret il-ġrajja kiefra tal-qtil tal-Isqof Angelelli li seħħet 41 sena ilu meta hu flimkien ma saċerdot ieħor kienu qed jirritornaw lejn djarhom wara li attendew għal ċerimonja f'ġieħ żewġ saċerdoti li kienu inqatlu, u żewġ karrozzi baqgħu deħlin fihom.
Is-saċerdot li kien mal-Isqof qal li meta stejqer wara l-inċident sab lill-Isqof mejjet b'diversi tiri f'rasu. Għal ħafna snin dan kien meqjus bħala inċident tat-traffiku. Imma tmien snin ilu l-każ reġa' nfetaħ u f'Lulju 2014 żewġ uffiċjali tal-armata kienu kundannati għomorhom il-ħabs għax instabu ħatja li qatluh għax kien jopponi d-dittatura li kien hemm fil-pajjiż dak iż-żmien.
Sentejn ilu bdiet il-kawża ta' beatifikazzjoni tal-Isqof Angelelli li baqa' magħruf mhux biss għall-ħidma tiegħu mal-fqar imma wkoll għal frażi li kien spiss ilissen fil-priedki tiegħu: “Dejjem żommu widna mal-art biex tisimgħu x'qed jgħidu n-nies u l-oħra biex tisimgħu x'jgħid l-Evanġelju."