Iljun il-baħar jintlemaħ fl-ibħra Maltin

Read in English.

Rapport fuq il-mezzi soċjali qed jgħidu li ntlemaħ Iljun il-baħar fil-gżejjer Maltin. Min jirnexxilu jieħu ritratt ta’ din l-ispeċi invażiva jingħata kamera ta’ taħt l-ilma jew flus kontanti.

Din l-inizjattiva ħadha l-Professur Alan Deidun li ma’ Newsbook.com.mt spjega li din il-ħuta teqred ħafna speċi billi tiekol ħut ieħor, tirriproduċi ruħha b’mod mgħaġġel u m’hemmx ħut ieħor li kapaċi jeqridha. Huwa qal li jinsab sorpriż kif din waslet Malta minkejja li ntlemħet fil-Greċja.

Il-Professur Deidun qal li jekk dawn ir-rapporti huma veritieri, jinsab ftit sorpriż kif diġà waslet Malta peress li din mhix speċi li tgħum tgħaġġel u allura kien jistenna li tieħu s-snin biex tasal sal-Gżejjer Maltin. Madanakollu, hu possibbli wkoll li xi ħadd kellu din il-ħuta fl-akwarju tiegħu u ħarrabha fil-baħar.

Il-Lionfish tittiekel iżda velenuża jekk tniggżek u x’aktarx li daħlet fil-Mediterran mill-Kanal tas-Swejż.