“Ilhom sena jafu dwar il-każ ta’ Giovanna Debono” – Il-PM

Simon Busuttil u Chris Said kienu ilhom sena li saru jafu dwar il-każ li jinvolvi lir-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex, qal Dr Joseph Muscat, iżda Chris Said qal lil whistleblower li se jgħinu kif jista’.
Waqt attività politika f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru qara partijiet minn imejl bejn id-deputat Nazzjonalista Chris Said u l-whistleblower, li kienet tinkludi xogħlijiet li kellhom isiru fosthom il-ġibjun fin-Nadur, kantina fir-Rabat u għadd ta’ toroq.
Sostna li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qed jagħmel xogħlu filwaqt li għaddejjin investigazzjonijiet.
Dwar id-dejn tal-pajjiż, Dr Muscat qal li l-Gvern kompla biex naqqas id-dejn kull xahar b’€45 miljun, filwaqt li taħt il-Gvern preċedenti dan żdied b’€100 miljun fix-xahar.
Żied jgħid li qabel persuna kienet titlef xogħolha kuljum, filwaqt li issa, kuljum tliet persuni qed isibu xogħol. Madanakollu, Dr Muscat qal li għad iridu jkomplu jtejbu s-sitwazzjoni.
It-traħħis tat-taxxi spjega l-Prim Ministru, se jkunu jfissru €70 miljun għall-ekonomija. Kompla li fl-Unjoni Ewropea ġie approvat pjan Energy Union biex ikomplu jorħsu l-kontijiet, u li issa hu kruċjali li l-pajjiż jaqleb għal gass.
Semma l-iskola medika ġdida ta’ Barts li se tkun qed tagħti sptar ta’ kwalità f’Għawdex, kif ukoll proġetti oħra bħal dak tal-għargħar f’Ħal Qormi u tal-kumpanija Johnson and Johnson li se jinvestu €100 miljun fl-isptar fi Smart City.
Temm jgħid li qed isiru wkoll investimenti fl-edukazzjoni bl-iktar riċenti jkun dak tal-Microsoft.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-ekonomija hi l-prijorità għall-Prim Ministru, u li qed jinjora l-ekonomija tan-nies li jgħixu ta’ kuljum fi djarhom, hekk kif ħaddiema Maltin irċevew €35 darba, u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi tirċievi €13,000 kull xahar u Cyrus Engerer €85,000 fis-sena.