Ilhom 24 siegħa bla dawl; l-Enemalta “b’ħidma bla rażan”

Mauro Mario

Uffiċjali tal-Enemalta qed jaħdmu bla waqfien biex jerġgħu jagħtu s-servizz tad-dawl lil għadd ta’ Maltin li sfaw bla dawl kawża tal-maltemp fl-aħħar jiem. Dan spjegah kelliem għall-kumpanija f’kummenti ma’ Newsbook.com.mt meta qal li l-ħaddiema tal-Enemalta għaddejjin “b’ħidma bla rażan” u ilhom mis-Sibt iduru madwar Malta kollha biex isewwu l-ħsarat.

Fost dawn kien hemm familja mill-Imqabba li ilhom għal dawn l-aħħar 24 siegħa mingħajr dawl. Il-persuna li kkuntattjat lill-Enemalta qalet li wegħduha kemm-il darba li l-uffiċjali tagħhom se jsewwu l-ħsara iżda, 24 siegħa wara għadhom bla dawl.

Intant, kelliem għall-Enemalta qal li l-kumpanija hija konxja ta’ dawn il-każijiet.

Huwa naqas milli jagħti żmien definit li fih l-Enemalta se ġġib is-servizz lura għan-normal. Qal li l-mira hi sa għada iżda fl-istess waqt semma’ li jista’ jkun hemm xi kumplikazzjonijiet ikkawżati minn problemi “high-tension”.

Huwa appella għal kawtela u biex in-nies ma jallarmawx ruħhom filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema u fisser kif dawn jassiguraw li l-ħidma tagħhom qed issir fis-sigurtà. Saħaq li biex id-dawl jerġa’ jiġi f’diversi postijiet “mhux xi ħaġa li tfaqqa’ subgħajk” u treġġa’ lura d-dawl.

Bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn waħda mill-agħar maltempati fl-aħħar snin b’uħud mill-appartamenti viċin il-kosta ġew evakwati.

Aġġornata: Evakwazzjonijiet f’Tas-Sliema u fil-Birgu

Fuq Facebook, l-Enemalta qalet li sal-5:00pm tal-Ħadd, iċ-ċentru ta’ assistenza wieġeb ‘il fuq minn 1,500 talba għall-għajnuna li minnhom ġew identifikati 570 każ ta’ ħsara. L-Enemalta qalet ukoll li 40% minn dawn il-każijiet identifikati kienu jirrigwardjaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku filwaqt li l-kumplament tal-każijiet kienu jikkonċernaw diffikultajiet oħra kkawżati mit-temp kiefer li ħakem lil Malta.