Ilħna ħelwin tat-tfal se jgħinu lid-Dar tal-Providenza

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza u fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-persuni b’diżabilità, se jiġi organizzat kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Dan se jsir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru fis-7.30 ta’ flgħaxija u se jsir b’risq id-Dar tal-Providenza.
Il-kunċert se jittella’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ RTK4Charity u bil-korteżija tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Se jkun ukoll taħt il-patroċinju tal-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast WO1 Jonathan Borg. Se ddoqq il-kompożizzjoni li nkitbet għall-okkażżjoni, bl-isem ‘Ispirazzjoni Divina’, kitba ta’ Sunny Aquilina, mużika ta’ Mro Ray Sciberras, bis-sehem tas-sopran Claire Caruana, il-Coro Bel Canto u l-kor tat-tfal mill-Kulleġġ De La Salle. Il-kompożizzjonijiet l-oħra huma Salve Regina ta’ Stephen Decesare, Pathetique Symphony ta’ Tchaikovsky u Hallelulia ta’ Handel, kif ukoll, peress li se nkunu dħalna fi żmien il-Milied, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tesegwixxi siltiet mużikali tal-Milied.
Matul is-serata se jingħata wkoll il-premju Mons. Mikiel Azzopardi, li 50 sena ilu ħolom bid-Dar tal-Providenza. Illum din id-Dar għandha mal-100 resident fi djar differenti, tmexxi tlett idjar fil-komunità u toffri wkoll servizz ta’ respite. Biex twettaq dan ix-xogħol, id-Dar tal-Providenza għandha bżonn madwar €4 miljun fis-sena.
Il-kunċert hu bla ħlas, iżda min jixtieq jattendi għandu jakkwista biljett billi jċempel fuq 79493923 jew billi jibgħat imejl fuq kuncert@dartalprovidenza.org.