“Livell kważi imbarazzanti għall-Ministru tal-Ġustizzja” – George Hyzler

Il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler qal li intlaħaq livell kważi imbarazzanti għall-Ministru tal-Ġustizzja u għall-amministrazzjoni tal-pajjiż li minkejja l-wegħdiet, naqset minn dmirijietha.

Dan qalu b'referenza għal-liġi li tirregola l-professjoni legali waqt ic-ċerimonja tal-ftuħ tas-Sena Forense, illum ftit qabel nofsinhar. Din kienet l-139 darba li din ġiet iċċelebrata kemm ilha li twaqqfet il-kamra tal-avukati. Irrimarka li ma tantx kien hemm żviluppi matul is-sena li għaddiet li għandhom jiġu mfakkra fejn tidhol it-titjib tas-sistema ġudizzjarja.

Hyzler għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet waqt id-diskors tiegħu. Dawn ittrattaw l-eżami tal-warrant tal-avukati, l-esperti tal-Qorti, il-Qrati Speċjalizzati, u dwar il-court attorneys.

Il-President tal-Kamra qal li s-sena li għaddiet kienet waħda ta’ elezzjoni ġenerali, sena li kienet aktar ikkaratterizzata minn kuntrasti politiċi fejn oltre il-partit tellief, ġew midruba xi istituzzjonijet importanti għat-tmexxija tal-pajjiż.

F’referenza għall-Kumitat Dwar Ħatriet fil-Ġudikatura, intqal li xorta għad fadal xi jsir. Hyzler spjega li għall-kuntrarju tal-perċezzjoni popolari, il-Kumitat ma jiddeċedix min għandu jinħatar ġudikant, iżda  jista’ sa ċertu punt jimblokka dawk li m’għandhomx il-kwalifiċi biex jiġi maħturin. Spjega li r-responsabbilità tal-ħatra baqgħet għal kollox f’idejn il-Gvern tal-ġurnata.   

Punt ieħor li qajjem Hyzler hu li l-kumitat li jeżerċita dixxiplina fuq membri tal-professjoni legali huwa nieqes serjament minn riżorsi bażiċi sabiex iwettaq xogħlu b’effiċjenza. Allega li jidħollu s-suspett li qed jiġi sottovalutat ir-rwol tal-kumitat u li għalhekk l-awtoritajiet qed jonqsu milli jipprovdulu r-riżorsi meħtieġa.

Dwar l-istudenti tal-liġi, Hyzler qal li teżisti konfużjoni sħiħa fl-imħuħ tal-istudenti dwar l-eżami tal-warrant. Dan l-eżami jwassal biex wieħed jingħata l-permess mill-istat li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat.

Qal li m’għadux jagħmel sens li dan l-eżami ikun unikament marbut mal-prattika fil-qrati. Dan minħabba li n-numri tal-avukati Maltin li mhux qed jaspiraw biex jaħdmu fil-Qorti.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati stqarr li fin-nuqqas ta’ impenn tal-Gvern, il-Kamra se ġġorr il-piż u se tagħmel regolamentazzjoni hi stess. Dan biex ikunu jistgħu jeżerċitaw ftit kontroll fuq il-ftit li jagħtu isem ħażin lill-professjoni u li l-aktar m’għandhomx interess fir-regolamentazzjoni. Żied jgħid li mhux konċepibbili li mhux l-avukati kollha jkunu msieħba bil-liġi fil-bar tagħhom kif inhu fl-Ewropa kollha u fil-pajjiżi avvanzati kollha.
Minn naħa tiegħu l-Prim Imħallef Silvio Camilleri irringrazzja lill-avukat Hyzler għall-intervent tiegħu. Din kienet l-aħħar opportunità għalih li jindirizza din is-seduta.

Huwa ħa l-okażżjoni biex jenfasizza l-importanza tas-saltna tad-dritt. Spjega li s-saltna tad-dritt trid li jkun hemm il-piena għal kull min jikser il-liġi. Jekk ikun hemm il-piena għal uħud iżda mhux għal oħrajn allura l-Qrati ma jibqgħux aktar amministraturi tal-ġustizzja iżda jsiru amministraturi tal-inġustizzja billi jispiċċaw jippenalizzaw lil uħud iżda mhux lil oħrajn.

Kompla jgħid li f’okkażjoni preċedenti diġà wera l-fehma tiegħu li l-għoti ta’ amnestiji minn żmien għal żmien lil min jikser il-liġi jikkostitwixxi theddida għas-saltna tad-dritt u joħloq fost il-persuni li jirrispettaw il-liġi u li josservawha skrupolożament sens qawwi ta’ inġustizzja għaliex il-liġi ma tibqax ugwali għal kulħadd.

Ritratt: DOI – Jason Borg